Meta tmut kull tama

Fir-rakkont storiku tad-difna ta’ Ġesừ niltaqgħu ma’ żewġ gruppi ta’ nies; il-ħbieb u l-għedewwa tiegħu.

Għal ħbiebu kien mument ta’ sobgħa u qtugħ ta’ qalb. Id-difna hi l-mument meta r-realtà tal-mewt tinħass bil-qawwa kollha. L-Imgħallem li tant kienu jħobbu ma kienx għadu magħhom aktar.

Fid-dwejjaq tagħhom ma kienux jirrealizzaw kemm kellu jkun qasir il-luttu tagħhom. Marija ma kienitx se ddum wisq tibki ħdejn il-qabar. Ġużeppi kellu jsellef il-qabar lil Ġesừ għal ftit jiem biss. Il-biki tagħhom kellu jinbidel f’ferħ, u d-disprament tagħhom, bħan-nida ta’ filgħodu, kellu jevapora fix-xejn fir-raġġi sħan tax-xemx fiż-żernieq.

Ħbieb, meta nkunu għaddejjin mill-widien mudlama tal-ħajja, ħalli ma naqtgħux qalbna. Ħalli nibqgħu nittamaw. Wara l-lejl mudlam, titla’ x-xemx bid-dawl tagħha; wara l-biki, il-ferħ; wara l-mewt, il-ħajja. Aħna nemmnu l-evanġelju: nemmnu fil-mewt, id-difna ... u l-qawmien ta’ Ġesừ. L-aħħar kelma hi tiegħu - kelma ta’ ħajja u glorja!

Għall-għedewwa d-difna kienet mument ta’ vittorja. Il-kunplott tagħhom kontra Ġesừ kien seħħ, kienu ħelsu darba għal dejjem minnu.

Għajr għal dettal ċkejken. Kienu jafu li Ġesừ kien qal li wara tlett ijiem kellu jqum, u għalhekk marru ġabu permess mingħand Pilatu biex jagħmlu għassa mal-qabar li ma jmorrux jiġu d-dixxipli tiegħu, jisirqu l-katavru u jgħidu li qam mill-mewt.

Il-mibgħeda tar-reliġjużi Lhud kienet hekk kbira li ma kienux kuntenti jeħilsu minnu biss, riedu wkoll jeqirdu l-fama tiegħu u l-moviment li kien beda.

Imma l-Iskrittura tgħid li “għadab il-bniedem ifaħħrek.” Dak li huma ħasbuh għall-ħażen, Alla biddlu għall-glorja tiegħu.

Għax kif se nispjegaw il-qabar vojt ftit granet wara? Hemm żewġ possibilitajiet: xi ħadd minn barra daħal għalih, jew Ġesừ qam mill-mewt u ħareġ ħaj. Imma l-preżenza tas-suldati Rumani għassa mal-qabar teskludi l-ewwel possibilità li xi ħadd seraq il-katavru. Jibqa’ biss spjegazzjoni waħda: Ġesừ qam tassew. L-għedewwa tiegħu spiċċaw xhieda tal-qawmien!

Ħalli nitgħallmu minn din l-istorja; meta nħarsu madwarna u naraw kemm nies jinjoraw, jopponu u saħansitra jobgħodu lil Kristu u l-evanġelju, niftakru kif Alla kapaċi jislet tifħir mill-għadab tal-bniedem. Il-kumplott tagħhom falla għal kollox għax Kristu għadu ħaj; elfejn sena wara l-moviment tiegħu – l-knisja – hi mifruxa mal-erba’ irkejjen tad-dinja, u flimkien ma’ miljuni ta’ dixxipli aħna bil-ferħ nagħtu lill-Mulej Ġesừ kull ġieħ, qima u tifħir.