26 July 2013

Side effects tat-tilqima

It-tilqim jista’ jikkawża deni, uġigħ jew telqa fl-ewwel 24 siegħa (l-MMR u l-MMRV jistgħu jagħtu d-deni bejn 5 u 10 ġranet wara t-tilqima). Rarament jkun hemm ħmura u nefħa fejn tingħata t-tilqima, aċċessjoni bid-deni jew allerġija għat-tilqima – f’dawn il-każijiet kellem lit-tabib.

M’hemmx għalfejn tagħti paracetamol biex tilqa’ għad-deni qabel tagħti t-tilqima. Lanqas hemm bżonn tagħti xejn jekk ikun hemm ftit deni u t-tarbija tkun tidher tajba.

Imma jekk t-tarbija tkun mdejjqa bid-deni jew bl-uġigħ, agħtiha suppożitorju jew mistura tal-paracetamol.

Jekk it-tarbija tkun miġugħa (tibki, teqred, mdejjqa) agħtiha paracetamol anke jekk ma jkollhiex deni. Il-paracetamol qed tagħtih biex ittaffi l-uġigħ mhux għad-deni.

Fl-ewwel xhur tal-ħajja uża mistura tal-paracetamol, 2.5 mL (bħal Calpol jew Panadol syrup 125mg/5mls) jew suppożitorju (bħal Paracetamol 80 mg jew Tipol 75 mg). Tista’ tirrepeti d-doża jekk ikun hemm bżonn wara 4 sigħat. Kellem tabib jekk id-deni jew l-uġigħ jippersistu.

Jista’ jinzerta li t-tarbija timrad jew taqbadha xi infezzjoni fil-ġranet wara li tieħu t-tilqima. Għalhekk huwa perikoluż li tibqa' tassumi li d-deni u sintomi oħra huma side-effects tat-tilqima! Għalhekk jekk it-tarbija tkun tidher marida u mdejjqa, id-deni jkun għoli jew idum aktar minn ġurnata, jew ikun hemm xi sintomi oħra li jinkwetawk, kellem lit-tabib.

Tigdibx lit-tfal żgħar qabel jirċievi t-tingiża. Tgħidx, "M’aħna se nagħmlulek xejn!" jew "M’intix se tħoss xejn." Żewġ minuti wara tkun tlift il-fiduċja tat-tifel! Huwa ħafna aħjar li ngħidu lit-tfal li se tħoss tingiża bħal nemusa. Tabib jew ners ta' esperjenza jafu kif għandhom jikkalmaw lit-tfal.

Fit-tieni sena l-omm jew il-missier iridu jżommu lit-tifel jew tifla f’ħoġorhom. It-tabib jew in-ners tiggwidak x'għandek tagħmel. Huwa importanti li żżommu sod biex ma jċaqlaqx idejh jew jaqbad il-labra bl-id l-oħra.

It-tfal iħossu t-tensjoni madwarhom; għalhekk huwa importanti li l-ġenituri u n-nanniet iżommu kalmi u ma joħolqux paniku!

Xi ftit jew wisq it-tingiża u l-injezzjoni jweġġgħu. It-trabi u t-tfal jibku ftit, ġeneralment għal minuta jew tnejn. Erfa’ lit-tarbija, kellimha bil-ħlewwa, u b’naqra mħabba malajr tikkalma.