13 August 2013

L-istatwa tmil - in-Nisrani le!

Din il-ġimgħa kien hemm statwa li kienet se tinqaleb waqt il-festa. Mhix xi ħaġa tad-daħk. Anzi mument ta’ riflessjoni fuq x’jgħidilna Alla fuq l-istatwi:

“Bħan-nuffara f'għalqa ħjar, l-idoli ma jitkellmux. Trid terfagħhom, għax ma jimxux. La tibżgħux minnhom, għax deni ma jagħmlux, u riżq ma fihom xejn.” (Ġeremija 10:5)

Is-salmista (115: 4-7) jgħid li l-allat tal-pagani huma fidda u deheb, għemil idejn il-bnedmin, u b’disprezz ikompli:

“Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-għajnejn, u ma jarawx; għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; għandhom l-imnieħer, u ma jxommux; għandhom l-idejn, u ma jmissux; għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.”

Naturalment f'dawn il-versi l-Bibbja qed tirreferi għall-idoli tal-pagani u għall-istatwi nsara. Imma milli jidher l-istatwi nsara m’humiex wisq aħjar minnhom. Il-vari tal-qaddisin ukoll jeħtieġ jintrabbtu biex ma jinqalbux, u jinġarru fuq l-ispallejn avolja għandhom ir-riġlejn.

M’hemmx li nirritornaw lejn il-fidi u l-prattika tal-knisja bikrija! L-Insara tal-bidu ma kellhomx statwi; kienu jqima ‘l Alla fl-Ispirtu u l-verità, kif jgħallimna il-Mulej Ġesù. Kienu jieħdu bis-serjetà t-tieni kmandament li jiprojbixxi il-qima ta’ xbiehat skolpiti maħdumin b’idejn il-bniedem.

L-istatwi imilu ... imma aħna, jekk tassew nemmnu l-Kelma t'Alla, m'għandniex immilu quddiemhom għax il-Kmandament jgħidilna ċar:

"La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta' ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom ..." (Esodu 20:4, 5a).