15 September 2013

Il-Glitter mal-Art

Din il-ġimgħa tlabt lill-Mulej jagħtini għajnejn li jaraw bħalma jaraw it-tfal żgħar. Għax it-tfal qed jiskopru d-dinja u l-ħajja, u jifirħu ma' kull skoperta ġdida. Aħna le; is-sabiħ, it-tajjeb, il-ħelu saru affarijiet ‘tas-soltu’ – neħduhom for granted, u ftit li xejn għadna naprezzawhom u ngawduhom.

Mort mal-familja Valencia għal btala; mill-ajruport irkibna l-metro biex immorru lejn il-belt. Għat-tfal esperjenza ġdida. B’ħafna entużjażmu John esklama, ‘Kemm hawn sabih! Anke l-art bil-glitter!!’ (L-art fit-tren tkun griża skura u jkollha bħal frak tal-ħġieġ ileqq).

Kemm hu sew kieku jkolli l-istess attitudni. Tassew, kultant it-triq tkun sewda, imma jekk inħares sew, nara wkoll il-glitter tal-barkiet kotrana t’Alla. Kristjan igerger, negattiv, dejjem bihom huwa xhud falz tat-tjieba t’Alla.

Iftħilna għajnejna biex naraw it-tjieba tiegħek, Mulej, qalb tfur bi gratitudni għall-barkiet li ssawwab kuljum fuqna, imma l-aktar għall-għotja ewlenija tiegħek, għal Ibnek Ġesu’ li inti tajtu biex ikun għalina l-fidwa u l-ferħ tagħna.