5 September 2013

Irtir: Kristjan għal Qalb Alla

'Kristjan għal Qalb Alla' kienet it-tema ta' irtir ta' ġurnata li sar fil-31 ta' Awwissu 2013. Dawn huma fil-qosor il-ħsibijiet li qsamna flimkien. Il-ferħ tal-ħbiberija u l-għaqda fi Kristu ma jistgħux ikunu espressi bil-kitba.

Kristjan għal Qalb Alla

Il-messaġġ ċentrali li żvolġa t-tema tal-irtir, ċioè Kristjan għal Qalb Alla, kien meħud minn Isaija 6 fejn il-profeta ngħata viżjoni tal-Mulej fil-glorja, eżaltat fost l-anġli tiegħu, u l-kummissjoni li rċieva biex jipprietka. Ġew żviluppata dawn il-punti: 1. Kristjan għal qalb Alla għandu moħħu ċċentrat fuq Alla nnifsu. 2. Ifittex imantni spirtu niedem. 3. Jikkoltiva dejjem qalb grata lejn il-Mulej minħabba l-grazzji kotrana li sawwab u jibqa’ jsawwab fuqu. 4. Ir-rieda tiegħu hi rassenjata għar-rieda divina. 5. Jagħraf l-importanza kruċjali ta’ ħajja qaddisa. 6. Finalment Kristjan għal qalb Alla neċessarjament jgħix b’għan definit. Bħalma hu l-għan ultimu t’Alla li jigglorifika lilu nnifsu, hekk jaspira li jagħmel il-Kristjan, u allura jwettaq il-ministeru tiegħu bil-metodu kif urieh Alla u bil-qawwa li biha jfornih. Inkunu sirna Kristjani għal qalb Alla meta nagħtuh qalbna.

Il-Kristjan u t-Tiġrib
Ġakbu 1:1-6

Billi qegħdin ngħixu f’did-dinja mwaqqa’ fid-dnub nistgħu nibqgħu ċerti li lkoll kemm aħna xi darba jew oħra għad niffaċċjaw xi forma jew oħra ta’ tiġrib. Dan se jiġi fuqna bħal sajjetta fil-bnazzi u se jkun varjat. Irridu nammettu li ħafna drabi t-tendenza u l-istint naturali tagħna jġiegħluna ninġibdu lura u naħarbu mit-tiġrib, inqisuh xi ħaġa negattiva, ingorru, nilmentaw u ninnervjaw meta nkunu fih, ġieli anke nwarrbu għal kollox il-mezzi tal-grazzja bħalma huma t-talb u l-qari tal-Iskrittura. Fi żmien bħal dan spiss nieqfu nattendu l-laqgħat u saħansitra xi drabi neħduha wkoll kontra Alla, jekk mhux ukoll nabbandunawh. Issa l-Kristjan għal qalb Alla, fi żmien bħal dan, aktarx milli jinġarr mill-emozzjonijiet u mill-ġisem, b’moħħ imġedded mill-Ispirtu s-Santu jwassal lilu nnifsu għal ġudizzju u deċiżjoni akkurata u mhux afrettata li jmissu jqis u jikkunsidra t-tiġrib bħala kollu ferħ. Dan għaliex qed jifhem sew u jaf l-iskop divin għat-tiġrib, il-bosta benefiċċji u l-gwadann li fih, kif ukoll ir-riżultati li joħorġu minnu kemm f’dil-ħajja kif ukoll f’li ġejja. Sintendi dan ma jgħoddx u ma jinkludix dak it-tiġrib li huwa l-konsegwenza tad-diżubbidjenza u d-dnub tiegħu. Dak imissu jqisu għawġ u gwaj mhux ferħ! Għaldaqstant waqt it-tiġrib il-Kristjan irid jirreżisti l-ġibda li jirrispondi b’mod żbaljat, jeħtieġ li jippersevera u jitlob bil-fidi bla ma jiddubita xejn. Primarjament hu d-dover tiegħu li qabel kollox jitlob għall-għerf minn fuq biex jara t-tiġrib minn naħa t-tajba, ċioè kif jarah Alla, u dan ċertament se jingħatalu. Ġakbu f’din l-epistola jixtieq jara l-prattika, mhux il-paroli, aktar jinteressah fid-dmir milli fid-dottrina, fil-karattru u l-kondotta milli fil-kredu. Mhux biżżejjed inkunu nafu l-fidi u nitkellmu dwarha, jeħtieġ li ngħixuha f’kull ċirkostanza tal-ħajja tagħna speċjalment waqt it-tiġrib. Għaldaqstant l-imġieba tiegħek f’dan iż-żmien diffiċli u keddiedi, u l-mod li tiħħandiljah, iridu jirriflettu l-istess fidi li tipprofessa fiż-żmien kalm.  

Familja għal Qalb Alla

Is-sessjoni fuq Il-Komunikazzjoni fil-Familja nżammet f’żewġ gruppi, in-nisa għalihom u l-irġiel għalihom, imbagħad fl-aħħar kwarta ltqajna flimkien biex naqsmu x’ħadna mit-taħriġ.

L-Irġiel

L-irġiel ikkonsidraw b’ħeffa l-prinċipji bibliċi, bil-ħsieb li jinvestigawhom aktar profondament id-dar. Enfasizzaw il-bżonn illi jsiru semmiegħa ġenwini, illi jkunu pronti biex jitolbu u jagħtu l-maħfra mingħand xulxin, u li jipprovaw jifhmu lin-nisa tagħhom biex jirnexxilhom iservuhom bl-imħabba bħalma Kristu ħabb il-knisja u ta lilu nnifsu għaliha. Xi prinċipji oħra mistħarrġa kienu dawn: 1. Dan li biħsiebni ngħid hu veru? 2. Dan li se ngħid hu siewi? Se jgħin jew se jweġġa’? 3. Huwa  l-ħin xieraq biex ngħid dak li għandi ngħid? 4. Id-diskors li biħsiebni nuża hu l-aħjar l-mod possibbli biex nesrpimi lili nnifsi? 5. L-attitudni tiegħi hi pożittiva? 6. Tlabt dwar dil-kwistjoni, u qed nafda ‘l Alla biex jgħinni?

In-Nisa

Bħar-raġel u daqs ir-raġel il-mara hi maħluqa fuq xbieha t’Alla. Skond il-pjan t’Alla l-mara hi s-sieħba u l-għajnuna tar-raġel tagħha. Fiż-żwieġ huma jsiru ħaġa waħda, b’rwoli li jikkumplimentaw lil xulxin. Id-dnub iħarbat il-pjan sabiħ t’Alla għaż-żwieġ, imma fi Kristu nistgħu nesperjenzaw is-sbuħija u l-ferħ skond l-intenzjoni tal-Ħallieq tajjeb tagħna. Tkellimna dwar l-importanza ta’ komunikazzjoni effettiva biex iż-żwieġ jibqa’ b’saħħtu. Nikkomunikaw bil-kliem, u b’mezzi non-verbali – b’espressjonijiet tal-wiċċ, tbissima, nżommu idejn xulxin, tgħannieqa u bewsa. Meta nweġġgħu lil xulxin nibnu ħajt ta’ firda – billi nibqgħu nżommu ġo fina, nwaħħlu f’xulxin, rabbja u emozzjonijiet negattivi. Imma dan il-ħajt jista’ jitwaqqa’ permezz tal-maħfra. Meta nagħraf kemm jieħu paċenzja u jaħfirli l-Mulej, jien ukoll nista’ naħfer mill-qalb lil żewġi, u naħdem biex jien ukoll ninbidel fejn hemm bżonn. Bħala mara irrid nuri rispett lejn żewġi u nikkopera miegħu biex naħdmu bħala team. Tgħallimt mill-esperjenza li meta dawn il-prinċipji jkunu ċari f’moħħi u nimpenja ruħi biex inwettaqhom, ir-relazzjoni mar-raġel tiegħi tkun tassew sabiħa.

Iż-Żgħażagħ

Is-Self-Control kienet it-tema li ddiskutejna. Alla jrid liż-żgħażagħ ikunu meqjusin (Titus 2:6). Karozza teħtieġ l-isteering, pedala tal-gass u brekijiet. Hekk ukoll aħna - irridu nagħżlu fejn se mmorru u naħdmu b’dixxiplina biex naslu hemm. Altrimenti ma naslu mkien jew nidħlu ġo xi ħajt! Sakemm ikunu għadhom żgħar it-tfal huma kkontrollati mill-ġenituri, imma iż-żagħżagħ qegħdin f’fażi ta’ transizzjoni fejn iridu jieħdu aktar u aktar responsabbiltà u deċiżjonijiet huma stess. Tkellimna fuq għażliet ewlenin fosthom r-relazzjoni ma’ Kristu, dating u karriera. L-isfidi huma kbar, imma ż-żgħażagħ Insara għandhom l-Mulej, il-Bibbja u l-ġenituri tagħhom biex jgħinuhom jagħżlu u jilħqu goals għoljin.

Il-Kristjan u l-Internet

L-Internet huwa mezz ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fantastiku. Mill-kumdità ta’ dari għandi aċċess għall-ħbiebi u infatti għad-dinja kollha. Aħna l-Insara għandna messaġġ ta’ tama, mħabba u salvazzjoni li d-dinja tant teħtieġ u għalhekk aħna għandna nkunu minn ta’ quddiem (speċjalment il-pastors) biex nużaw dan il-mezz għall-evanġelizazzjoni. Fl-istess waqt l-Internet jdaħħal id-dinja ġo kamarti bil-ħażen u l-ingann kollu tagħha – bħaż-żena, tagħlim falz u mentalità edonistika. In-Nisrani hu msejjaħ ikun fid-dinja, imma li ma jkunx tad-dinja – nużaw l-Internet għal ġid tagħna u tal-oħrajn u għall-glorja t’Alla, imma noqgħodu attenti li ma niċċappsux bil-ħmieġ tiegħu. Għaldaqstant elenkajna erba’ prinċipji etiċi bħala gwida għall-użu tajjeb tal-Internet.