29 September 2013

Silenzju fuq l-Infern

Dan l-aħħar semmejt l-infern f’artiklu qasir li ktibt fuq il-ġudizzju finali. Ħabib tiegħi qalli, ‘Għaliex qed titkellem fuq l-infern fis-seklu wieħed u għoxrin?’

Nistqarr li xejn ma nieħu ġost nitkellem fuq suġġett ikraħ u tant tal-biża. Nifhem għalfejn l-infern qajla jissemma, lanqas fil-knejjes. Madankollu r-realtà ma tinbidilx għaliex ninjorawha jew għax inżommu fommna magħluq.

Minħabba li ma semgħux jew għax ma riedux jisimgħu fuq l-infern, xi wħud se jqattgħu ħafna aktar minn wieħed u għoxrin seklu fit-tbatija.

Kristu wissiena x’se tkun is-sentenza tagħhom: “Morru minn fejni, ja misħutin, fin-nar ta’ dejjem, imhejji għax-xitan u l-anġli tiegħu.” Qalilna minn qabel x’se jkun it-tmiem tagħhom: “Dawn imorru fil-kastig ta’ dejjem; hemm ikun hemm biki u tgħażżiż tas-snien.”

Għalhekk nitkellem. Irrid intenni fuq il-periklu tat-telfien ta’ dejjem. Aktar minn hekk irrid inħabbar lil kulħadd li hemm maħfra u ħelsien għal dawk kollha li b’indiema ġenwina jduru lejn il-Mulej Ġesù u jafdaw is-salvazzjoni ta’ ruħhom f’idejh ħanina.