26 October 2013

Il-Paracetamol u l-Wheezing

Diversi studju juru li hemm konnessjoni bejn l-użu tal-paracetamol u wheezing/ażżma. Dawk it-tfal li kienu mogħtija aktar paracetamol għandhom riskju akbar li jkollhom wheezing jew ażżma.

Dan mhux bilfors ifisser li l-paracetamol qed jikkawża l-wheezing u l-ażżma. Peress li t-tfal jingħataw il-paracetamol biex itaffi d-deni waqt xi infezzjoni, jista’ jkun li huma l-viruses li qed jikkawżaw il-problema u mhux il-paracetamol. Wieħed jittama li r-riċerka tiċċara s-sitwazzjoni.

Il-paracetamol huwa rakkomandat fil-pajjiżi żviluppati bħala l-mediċina preferita għad-deni u l-uġigħ fit-tfal. L-ibuprofen hu l-unika mediċina alternattiva fit-trabi minn 3 xhur ‘il fuq.

M’għandniex nużaw mediċini għal xejn b’xejn. M’hemmx bżonn tagħti paracetamol (jew ibuprofen) lit-tfal f’dawn iċ-ċirkostanzi:

• qabel it-tilqim
• biex tniżżel id-deni jekk it-tfal ma jkunux jidhru mdejjqa jew miġugħa
• sintomi ħfief ta’ uġigħ

Id-deni huwa r-rispons normali tal-ġisem għall-infezzjoni u m’hemmx għalfejn tagħti mediċina sempliciment biex tniżżel id-deni. Il-mediċina tingħata biss jekk it-tfal ikunu mdejjqin bid-deni jew uġigħ sabiex iħossuhom aħjar.

Barra minn hekk huwa importanti li l-ġenituri joqgħodu attenti li jagħtu d-doża korretta ta’ paracetamol lit-tfal. F’każ ta’ overdose għandhom jittieħdu l-isptar immedjatament.

Ara wkoll: Il-paracetamol