5 October 2013

Jien ma rridx nistrieħ!

Jekk hawn min jagħli għax jisbaħ, it-tfal tiegħi bil-kontra – li kien għalihom jibqgħu għaddejjin 24/7. Is-sodda u l-irqad m’humiex ħbieb tagħhom.

Joanne kienet qed tispjegalhom is-sinifikat tal-Ħadd: Alla ħalaq id-dinja f’sitt ijiem u fis-seba’ jum straħ, u għalhekk lilna jikmandana wkoll biex nistrieħu.

“Imma jien ma rridx,” ipprotesta John bil-qawwa kollha, “jien ma rridx nistrieħ!”

Aktar tard l-iskola kellu lezzjoni fuq il-ħolqien. John pinġa il-jiem tal-ħolqien skont l-immaġinazzjoni tiegħu. Is-seba’ jum juri raġel rieqed ġo sodda!

Forsi għalhekk ma jridx jistrieħ nhar ta’ Ħadd, għax għalih tistrieħ ifisser torqod. Għad jiġi żmien li jkun jixtieq jorqod aktar, u ma jkunx jista’! Għad ukoll japprezza li l-mistrieħ tal-Ħadd mhux irqad imma l-waqfien għal ftit mill-ħidma u l-ħsibijiet tal-ġimgħa sabiex niltaqgħu ma’ ħutna fi Kristu għall-qima t'Alla, nisimgħuh jkellimna mill-Iskrittura, u nroddulu ħajr mill-qalb tal-barkiet kollha li jagħtina.

Minbarra l-mistrieħ fiżiku u mentali, l-Iskrittura titkellem fuq mistrieħ ieħor li jagħtina Kristu. Hu ġie fid-dinja biex isserraħna mit-toqol u l-madmad tad-dnub permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Għalhekk jistedinna mmoru għandu, lilna li ninsabu mħabbtin u mtaqqlin. Ġesù wegħdna, “Jien inserraħkom.”

Kien għalhekk li l-Insara bikrija bdew jiltaqgħu l-Ħadd biex jiċċelebraw il-mistrieħ – il-ħajja ġdida – li Kristu kisbilhom bil-qawmien tiegħu fiż-żernieq tal-ewwel jum tal-ġimgħa. Hekk għandna nagħmlu aħna li gawdejna l-fidwa ta' Kristu.
Illum ninsew ħidmietna,
Ħa nfaħħru lill-Mulej,
Illum jum Alla tagħna,
Illum jum il-Mulej!
Illum jum Alla tagħna,
Lilu nagħtuh kull ġieħ –
Bħal-lum fuq mewt setgħana
Kristu ħareġ rebbieħ!