25 October 2013

Żwieġ bejn Koppja Gay

M’għandhomx il-gay id-dritt li jiżżewġu?

Il-mistoqsija ewlenija li rridu nagħmlu hi din: ir-rabta bejn raġel u mara hi ekwivalenti għal relazzjoni bejn koppja omosesswali?

Mhux qed ngħidu jekk l-istat għandux jirrikonoxxi relazzjonijiet gay. Lanqas jekk l-omosesswali għandhomx inkunu protetti mill-liġi kontra kull diskriminazzjoni  u mogħtija d-drittijiet ċivili bħal kullħadd. Fuq hekk għandna naqblu.

Il-mistoqsija jekk koppja gay jistgħux jiżżewwġu ma tagħmilx sens. Ladarba ż-żwieġ huwa r-rabta volontarja ta’ raġel ma’ mara, kif jistgħu żewġt irġiel jew żewġ nisa jiżżewwġu ladarba huma tal-istess sess?

Il-lobby gay mhux id-dritt li jiżżewwġu jridu imma li jibdlu d-definizzjoni ta’ x’inhu żwieġ. Iridu li ż-żwieġ ma jibqax ir-rabta volontarja bejn raġel wieħed u mara waħda għal ħajjithom, imma r-rabta bejn kwalunkwe koppja – raġel u mara, raġel ma’ raġel jew mara ma’ mara. Iridu jneżżżgħu ż-żwieġ mit-tifsira unika li għandu fil-liġi Maltija, u b’mod ġenerali t-tifsira li għandu f’kull soċjetà u f’kull żmien.

Iż-żwieġ ma kienx ivvintat minn xi sultan, saċerdot jew politiku. Iż-żwieġ huwa msejjes fuq in-natura u l-esperjenza universali umana. Ir-raġel u l-mara huma differenti u kumplimentari għal xulxin fiżikament, emożżjonalment u psikoloġikament. L-ulied huma l-frott tal-imħabba tagħhom, biex irabbuhom fl-għożża u l-imħabba għax huma demmhom stess. Tassew iż-żwieġ hu rabta unika!

Id-drittijiet ċivili ta’ koppji gay għandhom u  jistgħu jkunu salvagwardati minn liġi ta’ unjoni ċivili mingħajr ma nibdlu d-definizzjoni taż-żwieġ.

Ladarba jinħabbu għaliex m’għandhomx jiżżewwġu?

Koppja tal-istess sess ma jistgħux jiżżewġu għax iż-żwieġ huwa r-rabta bejn raġel u mara.

Bl-istess argument tal-imħabba, x’ngħidu għal raġel miżżewweġ li jsir iħobb mara oħra? Tagħtih l-imħabba d-dritt għall-infedeltà u l-adulterju? Jekk raġel iħobb żewġ nisa, għaliex m’għandux jiżżewwiġhom it-tnejn u nibdlu l-liġi taż-żwieġ biex nikludi l-bigamija u l-poligamija? Jekk għandek raġel bi-sexual, għaliex m’għandux jiżżewweġ raġel u mara li jħobb? Jekk f’ġieħ l-imħabba kulħadd jista’ jagħmel li jrid, għaliex ma nabolixxux iż-żwieġ għal kollox?

Koppji gay m'għandhomx ikollhom dritt ugwali li jadottaw it-tfal?

Il-miżżewwġin m'għandhomx dritt sagrosant li jaddottaw it-tfal, u lanqas m'għandhom dritt awtomatiku persuni single jew koppji gay. Huma t-tfal li għandhom id-dritt tal-aħjar trobbija possibli. It-tfal għandhom bżonn lil mamà u lil papà. Idealment jitrabbew mill-omm u l-missier li tawhom il-ħajja; imma jekk dan mhux possibli tal-inqas jitrabbew minn omm u missier addottivi. Jekk ikunu adottati minn persuna weħidha jew koppja tal-istess sess, dawn it-tfal ikunu mċaħħda mill-imħabba ta’ omm jew ta’ missier.

Jekk ibnek meta jikber jgħidlek li huwa omossesswali?

Inħobbu xorta waħda avolja jaqsamli qalbi. Inħobbu għax huwa ibni. Smajt b’każijiet meta l-ġenituri ħaduha qatta’ bla ħabel kontra t-tifel tagħhom meta stqarr li hu omosesswali, u keċċewh mid-dar u barrewh minn ħajjithom. Dan mhux sew. Jekk ibni ma jsibx il-wens, l-imħabba u l-għożża f’missieru u ommu, f’min se jsibhom?

Imma jiddispjaċini bil-kbir. Għax jien irrid li t-tifel igawdi relazzjoni ma’ mara bħalma ra u osserva fil-ġenituri tiegħu, u jekk ikollu t-tfal, irrid li ibni jagħti lil uliedu l-imħabba u l-għożża ta’ omm u ta’ missier ukoll, kif kellu hu, u ma jiċħadhomx mill-imħabba tenera li omm biss tista’ tagħtihom. Mill-aspett spiritwali, jiena rrid il-barka t’Alla fuq ibni, u din il-barka tinstab fit-triq tal-ubbidjenza t’Alla li qalina ċar x’inhu ż-żwieġ.

Live and let live! Ħalli lil kulħadd jagħmel li jixtieq!

Kieku konna eremiti u kulħadd jgħix fuq il-pjaneta tiegħu, allura ‘live and let live’! Imma l-bniedem hu esseru soċjali; aħna maħluqin biex ngħixu flimkien. Dak li nagħmel jien jinfluwenza l-bqija tas-soċjetà, u dak li għaddej fis-soċjetà jaffettwa lili. L-attitudni ta' ‘live and let live’ effettivament tfisser, 'ħalli kulħadd jagħmel li jrid għax ma jimportani minn ħadd!'  Ma nistax iġerraħ eġoiżmu sfrenat bħal dan. Ladarba konvint li hemm valuri ta’ ġid għal għajri, ma nistax inżomm ħalqi magħluq.

Fis-soċjetà hemm differenzi kbar – ta’ sess, orjentazzjoni sesswali, kultura, nazzjonalità, razza, kulur, reliġjon – u għalhekk irridu nkunu tolleranti biex ngħixu fis-sliem bejnietna. Dan ma jfissirx però li nħassru d-differenzi ta’ bejnietna! Ħalli mela tibqa' d-distinzzjoni bejn raġel u mara miżżewwġin u koppja gay f'unjoni ċivili.

Fl-iskola lil uliedi rridhom ikunu mgħallma l-valur taż-żwieġ. Irridhom ikunu mgħallma wkoll li mhux kulħadd għandu mama u papa, mhux kulħadd għandu l-istess kulur tal-ġilda, mhux kulħadd għandu l-istess reliġjon. Irridhom jitgħallmu li għandna nittolleraw, nirrispettaw u nħobbu lil kulħadd. Imma ma rridhomx ikunu mgħallma li ż-żwieġ u relazzjoni gay huma l-istess ... għax m’humiex!

Kif tħares lejn persuna gay?

B’imħabba u rispett għax hu bniedem bħali, maħluq fix-xbieha t’Alla. Qalbu tfittex il-ferħ u l-imħabba. Irrid ngħidlu biss li jista’ jsib il-milja ta’ ħajtu permezz tal-fiduċja u fl-ubbidjenza lejn Kristu, il-Ħallieq tiegħu, li jaħfer u jagħti l-ħajja lil dawk kollha li jiġu għandu.