24 November 2013

X'ifisser meta nsejjħu lil Ġesù "Mulej"?

Il-kelma ‘Mulej’ tfisser sid u kultant fl-Iskrittura tintuża b’referenza għal sidien umani. Ngħidu aħna l-appostlu Pawlu jikteb, ‘Sidien, agħtu lill-qaddejja tagħkom dak li hu ġust u sewwa’ (Kol.4:1). Il-Bibbja hi ċara kristall li fl-aħħar mill-aħħar hemm Sid wieħed fuq kulħadd u fuq is-sidien kollha. Għalhekk lill-istess sidien umani, Pawlu jkompli jgħidilhom: ‘Billi tafu li intom ukoll għandkom Sid fis-sema.’ Lill-qaddejja jgħidilhom jobdu s-sidien tagħhom, imma jfakkarhom ukoll biex jagħmlu kollox bil-qalb qisu lill-Mulej, għax fl-aħħar mingħand il-Mulej Alla jieħdu l-ħlas.  Alla waħdu hu Sid is-sema u l-art; is-Sid fuq kollox u kulħadd.

Il-kelma Griega Kurios tradotta Mulej, hi l-ekwivalenti tat-titlu t’Alla Adonaj (Mulej) fit-Testment il-Qadim (eż. Ġenesi 15:2; Mt  22:43-45); u ta’ l-isem t’Alla Jaħwe (eż. Mt 4:7-10 u 21:9). Barra minn hekk l-istess isem t’Alla, Jaħwe, hu tradott bil-kelma kurios fil-verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim (Septwaġinta), traduzzjoni popolari ħafna fi żmien Kristu. F’kuntest spiritwali, kull min kien jifhem il-Grieg u familjari ma’ l-Iskrittura kien jaf li Kurios (Mulej) tirreferi għal Alla l-Ħallieq, Sid l-univers, Alla ta’ Abraham, Ġakobb u Iżakk. Għalhekk hu tassew sinifikanti li fit-Testment il-Ġdid it-titlu Kurios, Mulej, hu mogħti lil Kristu aktar minn sitt mitt darba. Dawn huma ftit minnhom:

  • Dan hu dak li fuqu tkellem il-profeta Isaija, li jgħid: Il-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu (Mt 3:3; cf. Isaija 40:3).
  • Għax Bin il-bniedem hu Sid is-Sibt ukoll (Mt 12:8).
  • Il-kelma li Alla bagħat lil ulied Iżrael, li xandar is-sliem b’Ġesù Kristu (hu s-Sid ta’ kulħadd) (Atti 10:36).
  • Ħadd mill-prinċpijiet ta’ did-dinja ma kien jaf: għax kieku kienu jafu, ma kinux isallbu l-Mulej tal-glorja (1 Kor 2:8).
  • Kellu fuq il-mantar tiegħu u fuq wirku isem miktub: Sultan tas-slaten u Sid is-sidien (Riv 19:16).
  • Sid wieħed Ġesù Kristu (1 Kor 8:6).
  • Grazzja lilkom u sliem, mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu (2 Tessalonkin 1:2, eċċ.).

Isem il-Mulej Ġesù huwa sikwit mgħarras ma’ l-isem t’Alla l-Missier b’mod li jkun impossibbli tgħaqqad l-isem ta’ ħlejqa ma’ t’Alla.  Hekk, per eżempju, nafu li l-għajn ta’ kull grazzja u sliem huwa Alla l-Missier. L-ebda bniedem imħarreġ fl-Iskrittura ma jfittex il-grazzja mingħand ħlejqa bħalu. Alla hu ‘Alla ta’ kull grazzja’ (1 Pt 5:10). Tkun bluha jekk tfittex mingħand anġlu jew bniedem il-grazzja u s-sliem t’Alla. Nafu wkoll li Ġesù Kristu huwa l-mezz li bih jaslulna dawn il-barkiet mingħand Alla. Iżda l-Iskrittura tmur pass ieħor ’il quddiem. L-appostlu ma kitibx ‘grazzja lilhom u sliem mingħand Alla Missierna permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.’ Kiteb: ‘grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.’ L-unità bejn il-Missier u l-Iben tidher ċara għax l-istess grazzja u sliem t’Alla l-Missier jiġu mingħand Sidna Ġesù Kristu.

Alla waħdu jissejjaħ ‘Mulej,’ ‘Sid is-Sibt,’ ‘is-Sid ta’ kulħadd,’ ‘il-Mulej tal-glorja,’ ‘Sid tas-sidien,’ ‘Sid wieħed.’ Mhux ta’ b’xejn l-Iskrittura tgħid li ‘ħadd ma jista’ jgħid li Ġesù (il-mastrudaxxa ta’ Nazaret!) hu l-Mulej, ħlief bl-Ispirtu s-Santu’ (1 Kor  12:3).

Meta nsejjħu lil Ġesù "Mulej" inkunu qed nistqarru t-twemmin tagħna li Ġesù huwa tassew Alla. Inkunu wkoll nammettu li aħna niddependu minnu għal kollox - għal ħajja u s-salvazzjoni tagħna. Inkunu, fl-aħħarnett, qed ngħidulu, "Ġesù, inti s-Sid u l-Imgħallem tiegħi, u jien irrid nobdik u nisma' minnek."