3 December 2013

Il-maxtura u s-salib

Ġesù ġie fid-dinja biex imut. Mhux bħalna. Għalina l-mewt hi inevittabli u ġġib fit-tmiem il-ħidma tagħna fid-dinja. Kieku nistgħu nagħżlu li ma mmutux, imma l-mewt tiġi fuqna bla mistiedna.

Imma għalih il-mewt kienet għażla tiegħu u l-mezz biex jilħaq l-iskop tal-missjoni tiegħu.

Lejlet li miet, Ġesù qal: “Issa ruħi mqallba; u x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn dis-siegħa: iżda għalhekk jien ġejt għal dis-siegħa” (Ġwanni 12:27). Niżel mis-sema u sar bniedem biex ikun jista’ jmut! Imma għaliex, x’jista’ jikseb bil-mewt?

Hu stess jgħidilna,” Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna” (Matthew 20:28). Kristu ta’ ħajtu minn jeddu biex iwettaq il-ħidma li fdalu l-Missier, il-fidwa ta’ ħafna, jew il-ħelsien tal-poplu tiegħu mid-dnub.

Il-maxtura ta’ Betlehem kienet biss l-ewwel pass lejn is-salib tal-Kalvarju. Il-mewt tiegħu kisbet il-ħajja tagħna li nafdaw fih.