23 December 2013

Ir-Rigal tal-Milied


“Oqgħod bil-għaqal biex il-Bambin iġiblek xi ħaġa sabiħa fil-Milied,” kienet twissini ommi meta kont għadni naqra ta’ tfajjel. Dak iż-żmien mhux 'Father Christmas' kien iġib ir-rigali lit-tfal tar-Rabat Għawdex, imma Ġesù Bambin.

Bil-għaqal mhux dejjem kont noqgħod, imma Ġesù dejjem ġabli ġugarell u borża ħelu fil-lejl tal-Milied. Bdejt nitfarfar u xi ħadd imqareb minn sħabi tal-iskola qalli li mhux vera li l-Bambin iġibli t-toys imma missieri u ommi. Diżappunt. Il-Milied tilef ħafna mis-seħer tiegħu.

Kbirt ftit ieħor u skoprejt li fil-fatt huwa Ġesù li jagħtina kollox! Huwa tana l-ħajja, jipprovdielna ħobżna ta’ kuljum, jagħtina s-saħħa u kull m’għandna ... anki l-istess ġenituri u r-rigali tal-Milied, dawk Ġesù tahomli!

Mhux biss, għamilt skoperta akbar minn hekk. L-akbar rigal li tani l-Mulej huwa lilu nnifsu. L-għotja t’Alla għalina huwa Ibnu Ġesù, li bagħtu mis-sema, imwieled minn omm verġni, Marija, biex joffri ġismu u demmu b’sagrifiċċju għal dnubietna fuq is-salib.

Il-25 ta’ Diċembru hu jum qasir wisq biex niċċelebraw l-għotja tal-imħabba t’Alla! Jekk bil-fidi nilqgħu r-Rigal tas-Sema, nafdaw fih is-salvazzjoni ta’ ruħna u ngħixu f’ubbidjenza lejh, imbagħad nistgħu ngawdu l-ferħ u s-sliem tal-Mulej matul is-sena kollha u għal dejjem.