15 January 2014

Bejn ngħid talba u nitlob ta' veru

Nammetti li ġieli “ngħid talba” minflok nitlob tassew. It-tifel urieni d-differenza bejniethom. Sejjaħli bil-lejl għax ħolom ikraħ. Mort ħdejh biex infarrġu. “Papà lil Ġesù tlabtu ma jagħtinix ħolma kerha, u xorta kelli ħolma kerha!” qalli b'ton imdejjaq u kważi rrabbjat.

Ma naħsibx li kien qed jistaqsini raġuni teoloġika għalfejn Alla mhux dejjem jagħtina dak li nitolbuh. Ma kienx qed jesprimi dubbju fl-eżistenza, il-qawwa jew l-imħabba t'Alla. Appuntu hawn hi l-kriżi tal-fidi ċkejkna tiegħu: ladarba jemmen bis-sħiħ li l-Mulej iħobbu u jista’ kollox, ma setgħax jifhem kif ma taħx dak li talbu.

John jistenna li meta jitlob 'l Alla jisimgħu bħal meta jitlob xi ħaġa lili jew lil ommu. Jekk jitlobni biex jiekol għax bil-ġuħ, hu jaf li se nagħtih, u żgur ma jħalliniex bi kwieti qabel nagħtih biċċa ħobż. Hekk irrid nitgħallem nitlob; irrid nersaq lejn il-Missier bl-istess attitudni diterminata. Mhux billi ngħid erba’ kelmiet u “Ammen” fl-aħħar biex taparsi għidt talba, imma bil-leħħa spiritwali ta’ iben li jafda u jiddependi għal kollox fuq il-papà tiegħu.

Naħseb li lill-Missier togħġbu din il-fittaġni.