Meta Tarbija tmur il-Ġenna

Ma nafx jekk hemmx weġgħa akbar milli jħossu l-ġenituri meta jitilfu lil xi ħadd minn uliedhom. B'dawn il-kliem irrid nuri solidarjetà mal-ommijiet u missirijiet, flimkien mal-qraba, li xi darba tilfu tarbija fit-tqala jew wara t-twelid.

TALBA

Inżilt, Mulej, itterraq
f’dal-wied ta’ xewk w għollieq
u għajr dil-fjura ċkejkna
ma sibtx ħlief għali w diq.

X’mort tagħmel, le, jaħasra:
dil-fjura la tmisshiex,
għada ma fetħitx sewwa;
tlabnik ma taqtagħhiex.

Illum f’darek titgħaxxaq
bl-isbaħ minn fost il-fjur,
ħares sewwa nitolbok,
iflieha sew Sinjur...

Dawk il-ġawhriet tan-nida
fuq il-petali, qtar,
dawk t’ommha u missierha
xejn għajr demgħat ta’ mrar.

TAMA MILL-KELMA T'ALLA

IL-JIEM TAL-ĦAJJA TAT-TARBIJA HUMA F’IDEJN IL-MULEJ

Għajnejk raw minn xiex jien sirt, għalkemm jien kont għadni bla forma; u fil-ktieb tiegħek kienu kollha miktuba l-jiem iddestinati għalija, meta ebda wieħed ma kien għad hemm. Salmi 139:13-16.

L-ISPIRTU TAT-TARBIJA JERĠA LURA LEJN IL-MULEJ

Imbagħad jerġa’ t-trab lejn l-art bħal ma kien; u l-ispirtu jerġa’ lejn Alla, li tah. Ekklezjażti 12:7.

AĦNA WKOLL GĦAD IMMORRU FEJN MARRET IT-TARBIJA

[Meta David tilef it-tarbija tiegħu qal] Nista’ nreġġagħha lura? Jien immur lejha, iżda hi ma terġgħax tiġi lejja. 2 Samwel 12:20-23

IT-TARBIJA QEGĦDA FI ĦDAN ĠESÙ

Ġibulu t-trabi ukoll biex imisshom: iżda malli d-dixxipli raw dan, ċanfruhom. Iżda Ġesù sejħilhom lejh, u qal: Ħallu t-tfal ċkejknin jiġu għandi u la żżommuhomx: għax ta’ dawn hi s-saltna t’Alla. Luqa 18:15-16.

IL-MULEJ HUWA QRIB FID-DWEJJAQ TAGĦKOM

Qrib dawk ta’ qalbhom maqsuma hu l-Mulej; u jgħin lil dawk ta’ spirtu niedem għalkollox. Salmi 34:18.

JASAL ŻMIEN FEJN MA JKUNX HAWN AKTAR MEWT U BIKI

U jimsaħ Alla kull demgħa minn għajnejhom; u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la għali, u la biki, u lanqas uġigħ iżjed: għax id-dinja ta’ qabel tkun għaddiet. Rivelazzjoni 21:4.