25 January 2014

Verbum Dei Caro Factum Est

"Il-Kelma sar ġisem u għammar fostna" (Ġwanni 1:14).

Il-Kelma (logos) huwa l-Iben etern t'Alla. Hu kien fil-bidu, qabel il-ħolqien. Infatti l-ħolqien huwa għemil idejh. Hu kien f'kommunjoni ta’ mħabba mal-Missier, u bħal Missier huwa Alla tassew (Ġwanni 1:1).

Elfejn sena ilu l-Iben t'Alla 'sar ġisem'. L-etern daħal fiż-żmien; l-infinit sar tikka; is-Sultan sar qaddej; is-Sinjur sar fqir; is-Sid ta’ kollox ma kellux fejn imidd rasu. Alla sar bniedem!

Għaliex?

Biex jgħammar fostna. Sar Emmanuel, Alla magħna, biex offra ġismu u demmu għall-maħfra tad-dnubiet tal-poplu tiegħu.

B'hekk aħna li nemmnu fih, aħna li m'aħna xejn, missejna l-Infinit; aħna li twelidna l-bieraħ, ltqajna mal-Etern; aħna li konna barranin, daħħalna f'dar il-Missier. Ġie fuq artna biex jgħammar magħna għal ftit żmien, biex aħna li nħobbuh ngħammru miegħu u ngawduh fis-sema għal dejjem.

* * *

Nixtieq noffrilek kopja ta' dan il-ktejjeb.

Il-Mulej Ġesù sikwit tkellem dwar l-iskop tal-miġja tiegħu fid-dinja. Kemm-il darba nisimgħuh fl-evanġelju jtenni l-kliem "għalhekk ġejt." M'hemmx isbaħ milli nisimgħu minn fommu stess is-sinifikat tal-ewwel Milied.

Jalla dawn ir-riflessjonijiet qosra jagħtuna apprezzament akbar tal-ġrajja li seħħet f‟Betleħem elfejn sena ilu, u jkebbsu mħabba lejn Dak li umilja lilu u sar bniedem għall-fidwa tagħna.

Ikklikkja hawn biex tniżżel kopja tal-ktieb.