22 February 2014

Favur jew kontra tiegħek?


Ħadd ma jħabbel wisq rasu dwar sentenza fil-qorti sakemm ma jkunx huwa stess l-akkużat! Forsi ftit jinteressak x'tgħallem il-Bibbja fuq "il-ġustifikazzjoni" għax qatt ma ħsibt bis-serjetà li Alla għad jagħti ġudizzju fuqek - ġudizzju favur jew kontra tiegħek.

Il-Bibbja tgħid li Alla jiġġustifika lil dawk li jemmnu f'Ibnu. "Il-bniedem hu iġġustifikat bil-fidi mingħajr l-għemil tal-liġi" (Rumani 3:28). Alla diġà qata' s-sentenza favur kull bniedem li jafda f'Ġesù. L-Imħallef jiddikjarah ġust u jeħilsu minn kull kastig.

Kif jista' Alla jasal għal sentenza bħal din peress li nafu li kull wieħed minna kiser il-liġi tiegħu? Jekk xejn ħaqqu l-kundanna!

L-ewwelnett huwa ċar li Alla ma jiġġustifikanhiex għax obdejna l-liġi kif suppost. L-Iskrittura tgħid li l-bniedem hu ġġustifikat "mingħajr l-għemil tal-liġi." Mhux għax ħadem. Mhux għax obda perfettament. Mhux għax ħaqqu. Kieku kellu jiġġudikana fuq il-bażi tal-imġieba tagħna, ħadd minna ma kien jeħlisha ħafif. Jien l-ewwel wieħed!

Imma Alla sab mezz ieħor. Hu jiġġustifikana "bil-fidi" f'Ibnu Ġesù. "Alla qiegħdu sagrifiċċju ta' tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih" (Rumani 3:25). Ġesù Kristu għamel tajjeb għad-diżubbidjenza tagħna bl-ubbidjenza perfetta tiegħu li waslitu sas-salib. Il-kastig li kien jixraq lilna ħadu hu minflokna. B'hekk Alla jista' jeħlisna mill-kastig - f'kelma waħda, jiġġustifikana - minħabba s-sagrifiċċju ta' Ibnu għalina.

Kif mela tista' tkun ġġustifikat? Billi tħares 'l hemm minnek għall-għajnuna; ħares lejn Ġesù biex jagħmel għalik dak li ma tistax twettqu inti. Emmen fih. Itlob 'l Alla jħenn għalik minħabba Ibnu ...

"Mulej, nammetti li dnibt kontra tiegħek, li jien ħati, li ħaqqni l-kundanna u l-infern. Imma int Alla ħanin. Inħares li Ibnek imsallab - hu li m'għamel ebda dnub miet bi tpattija għad-dnubiet tiegħi. Jien nemmen fih - ma nafdax iżjed fija nnifsi jew fil-merti ta' għemil idejja, imma nafda bis-sħiħ f'Ibnek Ġesù, u fid-demm li xerred għall-maħfra ta' dnubieti."

X'inhi s-sentenza t'Alla - favur jew kontra tiegħek? Kollox jiddependi fuq dak li tagħmel b'Ibnu Ġesù.