15 February 2014

It-Trinità Mqaddsa

Il-magħmudija hija r-rit li jimmarka d-dħul tagħna li nemmnu fil-ħajja tal-grazzja. Hija wkoll xhieda tat-twemmin tagħna l-Insara f’Alla wieħed għax l-Imgħallem, qabel tela' lura lejn is-sema, ordna li d-dixxipli ġodda jitgħammdu ‘fl-isem’ – mhux ismijiet bħallikieku ħafna; imma ‘isem’ wieħed, għax Alla huwa wieħed. Ġesù qal: "Għammduhom fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu" (Mattew 28:19). Fl-istess waqt, l-Imgħallem isemmi tlett Persuni - il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Aħna nemmnu f'Alla wieħed fi tlett Persuni, it-Trinità Mqaddsa.

Kien Alla l-Missier li ħabbna u għażilna fi Kristu qabel il-ħolqien tad-dinja; hu ukoll bagħat lill-Ibnu Ġesù fid-dinja biex jikseb il-fidwa. L-Iben umilja lilu nnifsu, ħa s-sura ta’ bniedem, biex isir il-qassis il-kbir tagħna l-bnedmin, ta lilu nnifsu fuq is-salib b’sagrifiċċju għal dnubietna, u issa qiegħed fis-sema jinterċiedi għalina. Il-ħajja eterna li kisbilna Kristu ġiet mogħtija lilna mill-Ispritu s-Santu fit-twelid mill-ġdid; hu ġie wkoll jgħammar fostna u fi qlubna.

Dan huwa Alla, is-Salvatur wieħed tagħna – it-tlett Persuni tat-Trinità jaħdmu f’unità perfetta għall-fidwa tagħna.

Mhux ta’ b’xejn l-appostlu Pietru jsellem lill-aħwa b’dan il-kliem: ‘Maħturin skond il-għarfa minn qabel t’Alla l-Missier, bit-taqdis tal-Ispirtu biex jisimgħu minn Ġesù Kristu, u jitraxxu b’demmu’ (1 Pietru 1:2). L-istess jgħid l-appostlu Pawlu, ‘Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, u l-imħabba t’Alla, u x-xirka tal-Ispirtu s-Santu, ikunu magħkom ilkoll,’ (2 Kor 13:14) – kliem ta' benedizzjoni li aħna wkoll nużaw biex insellmu lil xulxin fit-tmiem il-laqgħat tagħna.

Ara wkoll: It-Trinita' Mqaddsa