8 February 2014

Sliem m'Alla

“Ġesu’ ġab is-sliem bid-demm tas-salib tiegħu” (Kolossin 1:20).

Qabel ma kienx hemm sliem bejn Alla u l-bniedem. Kien hemm gwerra u firda bejn l-umanità u l-Ħallieq. Minn naħa tagħna kien hemm mibgħeda espressa bid-diżubbidjenza u d-dnubiet tagħna. Minn naħa t’Alla kien hemm l-għadab ġust tiegħu kontrina u kontra l-ħażen tagħna.

Ħadd minna ma jrid għedewwa; kemm hu agħar jekk ikollok ‘l Alla kontra tiegħek. Min jista'jeħles mill-kundanna tiegħu? Hi ħaġa tal-biża' li taqa' f'idejn Alla l-ħaj!

Għalhekk tidher isbaħ il-grazzja u l-ħniena tiegħu. Minflok il-kastig u l-qerda tagħna, Alla bagħat ‘l Ibnu, anke meta konna għedewwa tiegħu, biex jagħti ħajtu fuq is-salib, u b’demmu jikseb il-maħfra tad-dnubiet. B’hekk ġab is-sliem u rikonċiljazzjoni bejn Alla u l-bniedem.

Niftakar f’dak li għallimna Ġesu’: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mattew 5:44, 45). Ħaddieħor forsi ma jifhimx dan il-kliem. Imma aħna li doqqna t-tjieba tiegħu nifhmuh. Alla ħabna meta konnna l-għedewwa tiegħu; hu stess ħatar lil Ibnu biex jinterċiedi għalina. Iva, nistgħu inħobbu u nitolbu għal dawk li huma kontrina, għax hekk mexa magħna l-Mulej.