8 March 2014

Id-don tal-ilsna

Fil-programm Xarabank Alan Bates jipnotiżża żewġ żgħażagħ. Jibdew jitkellmu bl-ilsien tal-aljeni, u anke jittraduċu għall-Malti!

Ma stajtx ma ninnotax xebħ mal-"ilsna" fil-moviment karismatiku.

Bi ftit persważjoni u kredulità wieħed jista' faċilment jibda jparla qisu b'xi lingwa stramba.

L-istess jagħmlu t-trabi u t-toddlers qabel jibdew jitkellmu sew. Jien kultant noqgħod inlablab bla sens ('gibberish') biex indaħħaq lit-tfal (imma kieku nagħmel l-istess f'laqgħa karismatika jgħidu li qed nitkellem bl-ilsna tal-anġli!)

Kemm hu differenti d-don tal-Ispirtu S-Santu li naqraw fuqu fl-Atti tal-Appostli! Id-dixxipli li ngħataw id-don tal-ilsna kienu jitkellmu lingwi ta' vera u kienu jifhmuhom in-nies ġejjin minn ġnus differenti.

F'Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama' dan il-ħoss, nġabret kotra kbira, lkoll imħawwdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: "Dawn li qegħdin jitkellmu m'humiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta' Alla!" (Atti 2:5-11)

Nistaqsi b'rispett u mħabba ġenwina lejn ħuti Insara karismatiċi: l-esperjenza tagħkom taqbel ma' dak li taqraw fl-Iskrittura? Nies barranin li jisimgħuk titkellem 'in tongues' jifhmuk bil-lingwa tagħhom? Jekk le, qatt ikkonsidrajt il-possibbiltà li d-'don' tiegħek hu finta?

Kemm hu aħjar infaħħru 'l Alla bl-ispirtu u bil-ħsieb ukoll biex min jisma' jifhem u jkun jista' jgħid magħna "Ammen!"