27 April 2014

F'Idejn il-Missier

L-aħħar kelmiet ta’ Ġesù – “Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi” -  jesprimu l-fiduċja sħiħa tiegħu f’Missieru. Matul ħajtu fittex dejjem li jwettaq ir-rieda ta’ min bagħtu, u issa, li wettaqha sal-aħħar, Ġesù jafda ruħu f’idejn Alla.

Kien b’fiduċja f’Alla li Ġesù niżel lejn Ġerusalemm meta kien jaf sew li se jaqbduh, isawtuh u joqtluh. Kienet espressjoni ta’ fiduċja fil-Missier meta talbu biex tkun magħmula r-rieda tiegħu u qabad f’idejh il-kalċi mqiegħed quddiemu. Ġesù wera fiduċja f’Alla meta baqa’ b’fommu magħluq, bħan-nagħġa quddiem dak li jġiżża, anke meta kienu qed jiċċikawh li kieku vera fada f’Alla, u jekk tassew kien Missieru, Alla kien jeħilsu mis-salib. U issa, fl-aħħarnett, l-istess bħalma għix, Kristu wkoll miet – b’fiduċja sħiħa f’Alla: “Missier f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħu.”

Ma kienitx għalxejn il-fiduċja tiegħu anke jekk wasslitu għat-tbatija, l-għajb u l-mewt. Ftit jiem wara Alla l-Missier igglorifikah u iddikjarah Bin Alla bil-qawmien minn bejn l-imwiet. Ġesù ħasad ukoll il-frott tat-tbatija tiegħu ... dak il-frott huwa aħna, mifdija u miksuba għalih bid-demm tas-salib.

U ladarba mifdija u adottati minn Alla, aħna wkoll nistgħu nimxu fil-passi ta’ Sidna, billi ngħixu u mmutu b’fiduċja sħiħa fil-Missier. Missier f’idejk nerħi ruħi ... issa, matul ħajti u sal-aħħar nifs.