9 April 2014

Hena fid-Duluri

Marija xtaqet li nibqgħu niftakruha “hienja” bħalma qalet hi stess, “Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Luqa 1:48).

X’hena u x’ferħ jista’ jkun hemm fid-duluri li ġarrbet Marija waqt li Binha kien imdendel mal-għuda tas-salib? Ma kienitx qalbha minfuda b’sejf ta’ niket f’dik is-siegħa?

Tassew, imma ma kienx għalxejn id-dulur tagħha għax bil-passjoni u l-mewt ta’ Binha, Ġesù kiseb il-fidwa tagħha u ta’ tant nies oħra. Kristu kiseb il-ħelsien mid-dnub, in-niket, it-tbatija, il-kastig, il-mewt u l-infern! Kristu kiseb il-maħfra, it-tama, il-faraġ, il-ħajja u l-ġenna!

L-għanja ta’ Marija, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla s-Salvatur tiegħi” (Luqa 1:46, 47), tieħu tifsira aktar profonda fid-dell tas-salib. Alla hu Salvatur għax bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna.

Aħna wkoll nistgħu nesperjenzaw l-hena tas-sema jekk bħal Marija nafdaw is-salvazzjoni ta’ ruħna f’idejn Alla.