6 April 2014

It-Tieni Miġja ta' Kristu

Il-Mulej Ġesù għad jerġa’ jiġi, kif wegħdna, "Tassew, niġi dalwaqt" (Riv 22:20).

L-ewwel darba ġie fl-umiltà biex jikseb is-salvazzjoni tal-poplu tiegħu; meta jirritorna, se jiġi fil-glorja biex jieħu miegħu lil dawk li jħobbuh u biex jikkastiga l-għedewwa tiegħu.

Bħall-Insara matul l-istorja tal-knisja, aħna wkoll nixxenqu għall-miġja tal-Mulej. Aħna qed “nistennew dik it-tama mbierka, u d-dehra glorjuża t’Alla l-kbir u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (Titu 2:13).

Minkejja il-ħażen, it-tbatija u l-miżerja fid-dinja illum, aħna konvinti li t-tmiem se jkun feliċi. Bil-fidi nħarsu ‘l quddiem u nifirħu bid-dehra glorjuża ta’ Ġesù Kristu – Alla l-kbir li nqimu u naqdu; s-Salvatur li nafdaw fih b’qalbna kollha.

L-Iskrittura tkompli tgħid, “li ta lilu nnifsu għalina, biex jifdina minn kull ħażen, u jnaddaf għalih innifsu poplu, li hu tiegħu, imħeġġeġ għall-opri tajba” (Titu 2:14).

Mhux għalhekk nistennewh u nħobbuh? Ġesù ta lilu nnifsu fuq is-salib għal benefiċċju tagħna – biex jeħlisna mill-ħakma tad-dnub u jqaddisna, sabiex inkunu l-poplu tiegħu – nies li bħall-Imgħallem tagħna iddedikati biex nagħmlu l-ġid u t-tajjeb lil kulħadd.

B'dan il-mod nistennewh il-Mulej. Mhux billi noqgħodu idejna fuq żaqqna jew billi nipprovaw imbassru d-dati u s-snin. Inħobbu d-dehra tiegħu jekk nitbiegħdu mill-ħażen u billi nagħtu lilna nfusna għall-opri tajba. Ħalli għemilna jaqbel ma’ kliemna meta nwieġbuh, “Amen. Iva, ejja, Mulej Ġesù.” (Riv 22:20).