19 April 2014

Kristu Qam!

Il-messaġġ evanġeliku nistgħu niġbuh f’sentenza waħda, fi kliem l-Appostlu Pawlu: “Kristu miet għal dnubietna skond l-iskrittura u kien midfun u reġa’ qam it-tielet jum skond l-iskrittura.” (1 Kor 15).

M’hemm xejn staordinarju li bniedem imut, imma li tistqarr li miet “għal dnubietna” – biex ipatti għalihom u jeħlisna minnhom – hi aħbar hekk sabiħa li ma titwemminx!

Kollox jiddependi fuq l-istqarrija l-oħra – li Kristu qam, qam mill-mewt, fit-tielet jum. Ejja għal mument ngħidu li Kristu ma qamx, x’ikunu l-implikazzjonijiet?

L-ewwelnett, “Jekk Kristu ma qamx, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna .. aħna nkunu misjubin xhieda foloz t’Alla.” L-appostlu jammetti li kieku l-ġisem ta’ Ġesu baqa’ fil-qabar, hu u l-appostli l-oħra kienu qed ixandru l-ħrejjef, fairy tales li ma jiswew xejn la f’din id-dinja u wisq anqas f’li jmiss. Infatti, kieku Kristu ma qamx, l-appostli kienu giddieba u qarrieqa, u xejn milli qalu m’huwa kredibbli.

Mhux biss, l-appostlu jkompli jgħid, “Jekk Kristu ma qamx, fiergħa hi l-fidi tagħkom; intom għadkom fi dnubietkom ... aħna l-aktar imsejknin fost il-bnedmin kollha.” Kieku emminna għalxejn. Kieku dnubietna għadhom fuqna. Kieku immutu u nintilfu. Kieku l-fidi tagħna hi delużjoni patetika.

“Imma issa,” jkompli l-Appostlu, “Kristu qam minn bejn l-imwiet.” Kristu qam!

Ix-xhieda tal-Appostli hi vera; żguri wkoll huma l-wegħdi tal-evanġelju, l-ewwel fosthom li Kristu miet għal dnubietna. Il-ħtija tneħħiet, u għalkemm għal ftit żmien għadna mħabbtin b’ħafna għali u inkwiet, u fl-aħħar bil-mewt ukoll, il-mewt hi mirbuħa! Bħalma Kristu qam, hekk ukoll għad iqajjem lilna għall-ħajja ta’ dejjem.

Għalhekk għalina li nemmnu fi Kristu l-Għid ifisser ...

Dawl wara d-dlam
Ferħ wara t-tbatija
Glorja wara l-għajb
Ħajja wara l-mewt!

Ħallelujah!