13 April 2014

Missier Aħfrilhom

U meta waslu fil-post, li jgħidlu l-Kalvarju,
hemm sallbu lilu u lill-ħatjin,
wieħed fil-lemin u l-ieħor fix-xellug.
Imbagħad qal Ġesù:
Missier, aħfrilhom;
għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.
(Luqa 23:33, 34).

Min kien Dak li sallbu ma’ żewġ ħallelin?
Kien hu li xandrilhom l-Bxara t-Tajba u għallimhom iħobbu lil xulxin;
Hu li fejjaqhom mill-mard tagħhom u tahom l-ħobż x’jieklu;
Hu li meta għaddewh ġuri nstab innoċenti u bla ħtija.

Ma hediex jagħmlilhom il-ġid, madankollu ...
ma laqgħuhx u ma riduhx;
għajjtu kemm felħu biex ikun imsallab;
sawtuh, umiljawh, beżqulu, għabbewlu salib fuq spalltu;
u fl-aħħar sammruh u dendluh miegħu!

"Imbagħad," ... x'ġara? X'naqraw fil-Vanġelu?
Forsi qalb Ġesù imtliet bl-imrar u mibgħeda għall-għedewwa tiegħu?
Forsi talab lil Missier biex jeqridhom?

Fetaħ fommu, imma minflok kelma ta’ saħta,
ħarġet kelma ta’ ħniena, “Missier aħfrilhom!”

Imbagħad, meta inkixfet il-kruha ta’ qalb il-bniedem ....
Imbagħad, meta l-ħlejqa refa’ idejh fuq il-Mulej tal-glorja ...
‘Imbagħad Ġesu qal, “Missier aħfrilhom!”’

Din hi l-vittorja tal-Imħabba fuq il-mibgħeda u l-ħażen.
Din hi l-qalb tajba tal-Feddej tagħna Ġesu!