4 May 2014

X'Ifisser Għalik l-Evanġelju?

Ftit xhur ilu, meta saħħtu kienet diġa’ bdiet tmajna sew, il-ħabib tiegħi Tumas Polidano bgħatli dan l-artiklu u xtaq li jkun ippublikat. Issa li Tumas mar jiltaqa' mal-Mulej, qed inġib il-kitba tiegħu hawnhekk, bħal qisu l-aħħar rigal li Tumas ried jagħti lil ħbiebu kollha.

* * *

X'ifisser għalik l-evanġelju? Għal ħafna nies l-evanġelju jfisser li wieħed għandu jgħix ħajja sewwa biex meta jidher quddiem Alla fil-Ġudizzju jkun jistħoqqlu jidħol il-Ġenna.

L-evanġelju jfisser aħbar tajba. Din hi l-aħbar it-tajba: Alla hu mħabba u bagħat lil Ibnu Ġesù biex isalvana. Din hi l-akbar grazzja li Alla wera magħna il-bnedmin. Alla jogħġbu jagħtina dak li ma jixraqilniex. Min jaħseb li l-Ġenna jrid jaħdem għaliha u jpatti għal dnubietu għandu twemmin żbaljat u għadu ma fehemx il-messaġġ tal-evanġelju.

Din hi l-veru grazzja t’Alla lejn il-midinbin. Ħadd ħlief Ġesù ma jista' jpatti għad-dnub li qed jifirdek minn Alla. Meta ra lil Ġesù ġej lejh, Ġwanni l-Battista qal, “Ara l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġwanni 1:29). Id-dnub ineħħiħ Ġesù.

Il-Mulej m'għallimx li dawk li jirrikorru għandu biex ipattu għal dnubiethom. Meta l-iben il-ħali nidem u reġa’ lura d-dar, missieru ma qallux, "Issa trid tpatti għall-iżbalji li għamilt." Għanqu miegħu, biesu, u daħħlu d-dar bil-ferħ. Lanqas lil dak li kien fuq is-salib ħdejn ma qallu, “Issa qabel tiġi fil-Ġenna trid tmur tpatti għal dnubietek.” Anzi qallu, “Illum tkun miegħi l-Ġenna.”

L-istess l-appostli, meta xandru l-evanġelju, ma qalux lil dawk li nidmu, “Issa morru u pattu għal dnubietkom.” Għaliex ma qalulhomx hekk? Għax dnubiethom inħafrulhom permezz tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Dawk kollha li huma mxerkin miegħu jistgħu jgħidu li "d-demm ta’ Ġesù  Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub" (1 Ġwanni 1:7).

Dawk li jirċievu l-grazzja tas-salvazzjoni u jafu li se jmorru l-Ġenna, jircievu wkoll il-grazzja biex ifittxu jgħixu ħajja li tixraq bħala dixxipli ta’ Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Int li qed taqra dan il-ħsieb dwar l-evanġelju tal-grazzja, inti wkoll se tiffaċċja l-ġudizzju fl-aħħar ta’ ħajtek. Lest tindem mill-ħajja ħażina li qed tgħix, ladarba int midneb bħal kull bniedem? Tammetti li ma tista tagħmel xejn għas-salvazzjoni tiegħek ħlief li temmen f’Ġesù? Lest titlob din il-grazzja lil Ġesù biex jaħfirlek dnubietek, jagħtik l-Ispirtu s-Santu u minn issa l-quddiem jibdillek ħajtek u jgħallmek tgħix ta’ Nisrani? Tridu jassigurak li se tiret il-Ġenna bil-merti tiegħu biss għax patta hu għal dnubietek?

* * *

Ħuna Tumas m’għadux magħna aktar, imma l-messaġġ tal-evanġelju li kien jemmen fih, għadu, u jibqa’ relevanti għalina lkoll illum. Huwa messaġġ ta’ fiduċja sħiħa fi Kristu Ġesu li jagħtina ħelsien mill-ħtija tad-dnub permezz tad-demm tiegħu; hu messaġġ li jfawwar qlubna u ħajjitna bl-imħabba t’Alla; hu messaġġ ta’ tama li jisfida u jirbaħ l-aħħar għadu tagħna, il-mewt; għax hu messaġġ ta’ tama u ħajja eterna permezz ta’ Kristu Ġesu Sidna.