21 May 2014

L-iskop ta’ ħajti

Xínhu l-iskop ta' ħajti?

Li nħobb. Li nkun maħbub. Il-flus, is-suċċess u s-saħħa tajbin. Doqt l-imħabba fil-familja u l-imħabba tal-ħbieb. Mhux biżżejjed. Irrid aktar minn hekk. F’qalbi hemm spazju infinit li ma jistax jimtela’ ħlief bl-imħabba tal-Ħallieq tiegħi. Mulej, jien kont maħluq għalik, u ruħi ma ssibx mistrieħ ħlief fik.

Xi jżommni ‘l bogħod mill-imħabba t’Alla?

Id-dnub. Naf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, imma mhux dejjem għażilt it-tajjeb. Naf il-liġi t’Alla imma mhux dejjem obdejtha. Naf ir-rieda t’Alla imma sikwit għidtlu le. Għidt le lil dak li ħalaqni u qed iżommni ħaj. Sfidajtu. Offendejtu. Jien ħati. Id-dnub firidni minnu!

Kif nista’ nesperjenza l-imħabba tal-Missier?

Permezz ta’ Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, li ġie fid-dinja biex iħabbibni m’Alla. Kif qal: Jien hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja; ħadd ma jmur għand il-Missier ħlief bija. Ħu li m’għamel ebda dnub, tgħabba bid-dnubieti u sallabhom mas-salib. Ħelisni minnhom. Adottani u daħħalni fil-familja t’Alla l-Missier.

Kif naf li dnubieti maħfura?

Għax nafda b’qalbi kollha fi Kristu, u f’ħadd u f’xejn iżjed. Hu jżomm il-wegħda tiegħu: fi dnubieti ma jiftakarx aktar. Naf ukoll għax tani qalb ġdida, nobgħod il-ħażen, inħobb il-liġi tiegħu. Naf fi żgur li dnubieti maħfura għax permezz tal-Ispirtu jien ingawdi ħbiberija m’Alla u għandi l-paċi tiegħu f’qalbi.