14 June 2014

Il-Missier

Illum ħsibijietna jmorru għal missirijietna; huma rabbewna bl-aħjar mod li setgħu u ħadmu għall-ġid tagħna.

Għan-nuqqasijiet tagħhom nagħdruhom għax l-istess dgħufija mhix nieqsa fina. Għall-gwida, il-ħidma, il-protezzjoni u l-għożża li tawna, nirringrazzjaw ‘l Alla, għax huma kienu għalina l-ewwel xbieha tal-karattru t’Alla l-Missier.

Illum kbirt, it-tfulija għaddiet bħal leħħa ta’ berqa, u kelli bla ma rrid insellem għall-aħħar darba lil missieri. Madankollu m’inhix mingħajr Missier. Għad għandi bżonn min jipprovdili, iħarisni u min jgħożżni miegħu. Dan kollu nsibu f’Alla, li permezz ta’ Kristu, sar għalija Missier.

Qalina Ġesù biex ma nitħassbux u ma ninkwetawx għax Missierna fis-smewwiet jafna u jieħdu ħsiebna. Ħalli mela b'kunfidenza mmorru għandu għal ħtiġijietna; nistkennu fih meta nkunu beżgħana; u fin-niket u l-inkwiet, ħalli nittamaw u nifirħu fl-imħabba ħelwa ta’ Missierna.

Missier, għinni nkun nixbħek fir-rwol ta' missier għal uliedi biex id-dar tagħna tkun tixbaħ ftit il-ġenna. Irrid indewwaqhom tikka mill-imħabba tiegħek biex meta jikbru u minn qalbhom ikunu jixtiequk aktar mill-ħajja!