1 June 2014

Kif naf li Alla jħobbni?

Kif naf li Alla jħobbni? Forsi għax dejjem tiġini tajba? Għax dejjem iħarisni minn kull ħsara u qatt ma jmissni l-inkwiet? Naf li jħobbni għax ma jonqosni jew għax jien b'saħħti?

Il-barkiet kotrana tiegħu huma xhieda tal-imħabba t'Alla: ix-xemx, ix-xita, il-ġid, l-ikel, l-ilbies, il-kenn tad-dar, is-saħħa tal-ġisem, is-saħħa u l-fejqan, il-ħbiberiji u l-għożża tal-familja; dawn huma lkoll sinjali tat-tjieba tiegħu.

Imma x’naqbad ngħid meta jogħġbu joftomni minnhom? X’ngħid meta fil-providenza tiegħu jżurni bil-mard, tbatija jew inkwiet. X'nagħmel fiċ-ċirkostanzi ħżiena? Niddubitah, inġerġer li nsieni u nistaqsi fejn hu Alla?

Le! Anzi aktar naħrab lejh bħalma tifel fin-niket tiegħu jiġri lejn dirgħajn missieru. Nibqa' nafda f'Alla Sovran, is-Sid li hu fil-kontroll sħiħ ta’ kollox, fil-bnazzi u speċjalment fil-maltemp. Fin-niket tiegħi rrid nistqarr, "Il-Mulej ta, u l-Mulej ħa; imbierek ikun isem il-Mulej" (Ġob 1:21). Iva, anki jekk ma nifhem xejn, nibqa' nemmen fis-sħiħ li "kollox jaħdem flimkien għall-ġid ta’ dawk li jħobbu ‘l Alla." Jien konvint li xejn u ħadd "ma jifridna mill-imħabbba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù" (Rumani 8:28, 39).

Fuq kollox, kull dubju jisparixxi bħan-nida ta’ filgħodu meta nħares lejn is-salib ta' Kristu. Alla għoġbu jiftaħli għajnejja biex nagħraf min kien u x’għamel Ġesù għalija – Alla bagħat 'l Ibnu l-Maħbub biex jifdini b'demmu u jaddottani fil-familja tiegħu.

“B’dan dehret l-imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat ’il Ibnu waħdieni fid-dinja biex ikollna l-ħajja bih. F’dan qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna 'l Alla, imma għax hu ħabbna, u bagħat ’il Ibnu biex ikun il-mezz tal-maħfra għal dnubietna” (1 Gwanni 4:9-10).

Meta nħares lejn Kristu msallab jien nittawwal fond fil-qalb ħanina t’Alla. Hemm nilmaħ l-imħabba tal-għaġeb t'Alla għalija u ruħi ssib is-sliem.