It-tarbija qed tixrob biżżejjed?


It-tarbija għandha tingħata tixrob 'on demand' - dan ifisser li tixrob KEMM trid u X'ĦIN trid hi - imma bejn wieħed u ieħor, it-tarbija tixrob kull 3 siegħa, u aktar ta' spiss jekk tkun breastfeeding.

It-tarbija tkun tixrob biżżejjed jekk tidher sodisfatta, torqod wara li tixrob u tgħaddi biżżejjed pipì (il-ħarqa tkun mxarrba aktar minn sitt darbiet matul 24 siegħa).

Fl-ewwel jumejn jew tlieta t-tarbija tqatta' ħafna ħin rieqda u tixrob ftit. Huwa normali li titlef sa 10% mill-piż tat-twelid; it-tarbija terġa’ tikseb dak il-piż minn ġimgħa sa għaxart ijiem wara t-twelid.

Il-breastfeeding jitlob sagrifiċċju mill-omm peress li t-tarbija tkun trid tixrob ta' spiss u għal ħafna ħafna ħin. L-omm ikollha bżonn l-għajnuna, u għandha tistrieħ u tiekol tajjeb. Meta t-tarbija tkun ġabet lura l-piż tat-twelid m'hemmx għalfjen tqajjimha bil-lejl biex tixrob. Infatti ħafna trabi jibdew jorqdu aktar fil-tul bil-lejl - dan jagħti wkoll ċans lil omm biex tistrieħ!

Jekk qed tagħti ħalib tal-formula tagħtix każ l-ammont ta’ ħalib li ‘suppost’ tieħu miktub fuq il-bott tal-ħalib għax it-trabi mhux kollha l-istess. Barra min hekk l-ammont ta' ħalib u l-frekwenza jinbiddlu minn żmien għal żmien.

Jekk inti mħassba jekk hix tixrob biżżejjed, ħu lit-tarbija biex tintiżen.