28 September 2014

Issemmix isem il-Mulej fil-batal

La ssemmix isem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-batal: għax il-Mulej ma jħallix bla kastig lil min isemmi ismu fil-batal. Esodu 20:7.

Id-dagħa huwa minsuġ fid-diskors ta’ tant minn ħutna Maltin. Jiddispjaċik tisma’ minn jidgħi b’Alla, bi Kristu u b’kull ħaġa oħra meqjusa sagra. Din hi sitwazzjoni serja u tal-biża għax Alla jwissina li ‘l-Mulej ma jħallix bla kastig li min isemmi ismu fil-batal.’ Aħna l-Maltin qed nipprovokaw u nisfidaw ‘l Alla!

Ħalli ma naħsbux li dan il-kmandament niksruh biss bid-dagħa sfaċċat. Alla jwissina biex ma nsemmux ismu ‘fil-batal’ – fil-vojt, b’mod frivolu, għal xejn b’xejn. Kemm-il darba nsemmu isem Ġesù fil-vojt jew nużaw espressjoni ‘OMG’ biex nesprimi sorpriża jew stagħġib. Dan ukoll hu kliem ‘fil-batal’ li juri disrispett lejn Alla. Lanqas m’hu xieraq ċajt fuq il-ġenna jew l-infern. Kieku nifhmu kemm hu tal-waħx in-nar tal-infern u kemm hi glorjuża il-qima t'Alla fil-ġenna, żgur ma niċċajtawx bihom.

Fl-aħħar mill-aħħar, din hi kwistjoni tal-attitudni ta’ qalbna lejn Alla - jekk għandniex rispett u biża’ lejh jew le. Ġesù irrepeta l-istess kmandament f’forma posittiva meta għallimna nitolbu, ‘Missierna li inti fis-smewwiet jitqaddes ismek.’

Ħalli mela ħajjitna tkun dedikata għall-glorja ta’ ismu, u ma nagħmlu u ngħidu xejn li jiddiżonora isem il-Mulej u s-Salvatur tagħna.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
(Salmi 103:1-2).