Halloween

Halloween jaħbat lejlet l-ewwel ta’ Novembru, Jum l-Qaddisin Kollha fit-tradizzjoni Kattolika. Infatti l-kelma ‘halloween’ ġejja minn ‘All Saints Eve’ jew ‘All Hallows Eve’ (‘hallow’ hi kelma qadima li tfisser ‘saint’).

Halloween joriġina fis-superstizzjonijiet pagani fl-Irlanda, kif ukoll fit-tradizzjonijiet kattoliċi bikrin intenzjonati biex jieħdu post il-festa pagana.

It-tfal jieħdu gost jilbsu l-maskri u l-kostumi jiġru minn dar għal dar ‘trick or treat’. Ngħid il-verità ma nifhimx kif tista’ tiċċelebra dak li minnu nnifsu huwa ikrah u makabru, u wisq anqas ix-xitan, l-iħirsa, l-iskeletri u l-mewt.

Jekk inkunu onesti nammettu li dawn m’humiex affarijiet sbieħ. Forsi niċċajtaw bihom biex naħarbu l-biża’ li kull wieħed minna nħossu quddiem ir-realtà kerha tal-mewt. Il-qabar jimmarka t-tmiem tal-ħajja qasira tagħna fuq din l-art. Dan ibeżżgħana.

Aktar minn hekk ibeżżgħana l-prospett li wara l-mewt għad nidhru quddiem Alla għall-ġudizzju u l-kastig tal-infern. Inutli niprovaw ma nagħtux każ jekk mhux ukoll niżżufjettaw b’dawn il-ħwejjeġ. L-arloġġ qed itektek u l-jum tagħna qed joqrob.

Imma hemm aħbar tajba! Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex jeħlisna mill-biża’ tal-mewt. Il-Mulej Ġesù jibdel il-qalb grotteska bid-dnub f’waħda sabiħa u nadifa; u jagħtina r-rebħa fuq il-mewt. Il-Mulej Ġesù jagħtina l-ħajja eterna jekk nafdaw fih u nimxu warajħ.

Minflok it-‘tricks’ tad-dinja u x-xitan, nistgħu nirċievu b’xejn l-għotja tal-ħajja, l-oħla ‘treat’ li qatt nistgħu nimmaġinaw. Ġesù jistieden it-tfal u l-ġenituri tagħhom, “Ejjew għandi.”