4 January 2015

Fejn hi l-fidi tagħkom?

X'għandu jagħmlilna kuraġġ quddiem sena ġdida, bl-inkwiet u l-isfidi li ġġib magħha? Nistgħu nitgħallmu minn din l-esperjenza tad-dixxipli.

'Darba fost l-oħrajn tela' fuq id-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor ta' l-għadira." U qadfu 'l barra. Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira, d-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma, u sabu ruħhom f'qagħda mwiegħra. Għalhekk resqu lejh, qajjmuh u qalulu: "Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!" Hu qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma. U qal lid-dixxipli: "Fejn hi l-fidi tagħkom?" Qabadhom il-biża', u mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: "Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu!' (Luqa 8:22-25).

Hi ħaġa naturali nibżgħu meta nkunu mhedda minn problemi kbar. Hekk ġralhom id-dixxipli. Twerwru, avolja xi wħud minnhom kienu sajjieda ta’ esperjenza. Is-sens ta’ paniku jinstema’ fl-appell tagħhom, ‘Mgħallem, mgħallem, mitlufin aħna.’ Qtajna qalbna, kollu ta’ xejn, spiċċajna!

Din l-attitudni ma tagħmilx ġieħ lill-Mulej. Bħala dixxipli ta’ Kristu r-rispons tagħna għandu jmur ‘l hemm minn wieħed naturali. Ġesù jistaqsina, "Fejn hi l-fidi tagħkom?" Qed inħarsu biss lejn ir-riħ? Lejn il-mewġ? Lejn l-ilma li dieħel fid-dgħajsa? Insejna li fid-dgħajsa magħna hemm l-Imgħallem, is-Sid tas-sema u l-art? Tgħidli, ‘Iva, imma rieqed!’ Rieqed? Ħuti, fejn hi l-fidi tagħna? Ma nafux li dan il-bniedem huwa l-Iben t’Alla, hu li “jżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu” (Lhud 1:3). Ma nafux li “hu qabel il-ħwejjeġ kollha u bih il-ħwejjeġ kollha huma miżmumin flimkien” (Kolossin 1:17)?

Ħbieb, matul is-sena li ġejja se ngħaddu minn mumenti u żminijiet diffiċli. Jekk inħarsu biss lejn iċ-ċirkostanzi u lejn il-qawwa naturali tagħna, niddispraw. Jeħtieġ inkunu nies ta’ fidi. Jeħtieġ inħarsu lejn l-Imgħallem tagħna. Hu fil-kontroll perfett ta’ kollox. Hu qiegħed iżomm f'idejh mhux biss id-dgħajsa ċkejkna tiegħek, imma l-baħar u d-dinja kollha! Afda fih!