10 January 2015

It-tolleranza

Il-vjolenza u l-imwiet din il-ġimgħa f'Pariġi ħasduna u nikktuna. Staqsejna fuq il-multi-kulturaliżmu - jekk nies b’kulturi u reliġjonijiet differenti jistgħux jgħixu fil-paċi flimkien. Smajna ħafna fuq il-bżonn tat-tolleranza.

Imma l-bniedem hu tolleranti? Biżżejjed niftakru kif ittrattaw li Ġesù. Spiċċaw biex qatluh intortament - xhieda ta' kemm il-bniedem jaf ikun kiefer. Il-bniedem huwa intolleranti mhux biss lejn dak li fih innifsu huwa offensiv imma saħansitra lejn bniedem li ħlief ġid u tajjeb m'għamilx. Iva, il-bniedem huwa intolleranti, anzi agħar, qalbu hu mniġġsa bl-għira u l-mibegħda.

L-attitudni ta' Kristu kienet għal kollox differenti. Kien tolleranti ta' veru. Wera sabar u ħniena ma' kulħadd. Darba bagħat xi dixxipli f’villaġġ tas-Samaritani biex jippreparawlu qabel jasal. Ma laqgħuhomx. Id-dixxipli riedu jitolbu ‘l Alla jibgħat xita ta' nar fuqhom. Ġesù ċanfarhom bis-sħiħ għal din l-attitudni vendikattiva.

Ġesù kien aktar minn tolleranti. Kristu kien jilqa' għandu lil kulħadd, anke lil dawk li kienu meqjusa bħala l-karfa tas-soċjetà. Kien jgħin lil kulħadd, għalkemm ftit kienu juruh gratitudni.

Imma t-tolleranza ta' Kristu, b'kuntrast mat-tolleranza taparsi tal-kultura post-moderna, ma kienitx indifferenti lejn it-twemmin u l-imġieba ta' ħaddieħor. Mhux bħallikieku kollox hu aċċettabbli jew kull idea hi valida.

Kristu kien jgħallem il-verità u kien jikkoreġi l-iżbalji reliġjużi ta' żmienu. Ma kienx jiġġustifika d-dnub bl-iskuża tal-libertà, jew iqisu 'dritt uman' dak li hu moralment mgħawweġ, imma kien isejjaħ in-nies għall-indiema.

Fl-aħħar mill-aħħar Kristu għamel xi ħaġa li ebda bniedem ieħor ma seta' jagħmel. Kristu ta ħajtu biex jeħles il-bniedem mid-dnub u jagħtih qalb ġdida li tittollera, tirrispetta u tħobb lil kulħadd.