16 February 2015

Il-pazjent għandu dritt għall-verità?

Il-pazjent għandu jkun jaf li għandu marda terminali? Jistgħu l-qraba tiegħu u t-tobba jaħbulu l-verità?

Jien konvint li l-pazjent għandu kull dritt ikun jaf il-verità fuq saħħtu, hi x’inhi, sabiħa jew kerha. Għandu jkun jaf il-verità sakemm jixtieq hu, għax mhux kulħadd ikun irid jaf id-dettalji kollha.

Nifhem li l-qraba jkunu jixtiequ jħarsuh minn aħbar ħażina, u kemm huwa mument diffiċli għal kulħadd.

Nifhem ukoll li hemm mod u mod kif tingħata l-aħbar. It-tabib għandu jitkellem b'mod sensittiv, fil-ħin adatt, fil-privatezza, u fil-preżenza tal-qraba biex jagħtu lill-marid l-appoġġ li jkun jeħtieġ.

Imma għalfejn għandu jkun jaf? Ikkonsidra x'jiġri jekk iħalluh fl-għama. Jinbena ħajt ta' firda bejn l-marid fuq naħa, u l-familja u ħbiebu fuq in-naħa l-oħra. Komunikazzjoni ġenwini ssir impossibli. Meta jħossu sejjer lura l-marid jkollu bżonn jiftaħ qalbu mal-għezież tiegħu. Dan ma jkunx jista’ jsir jekk il-verità tibqa’ mistura. Jasal mument li fih ma jkunx irid jisma’ “get well soon” jew “agħmel kuraġġ biex tfieq” imma jkollu bżonn min iħaddnu u jibki miegħu.

Minbarra hekk il-marid għandu dritt iħalli ħwejġu fl-ordni u jipprepara l-bagalja għall-vjaġġ. Forsi jkollu bżonn jagħmel testment, jieħu ħsieb il-finanzi u ħwejjeġ oħra, forsi jkun jixtieq jitlob maħfra lil xi ħadd, jagħti parir lil uliedu jew jesprimi mħabbtu lill-maħbubin tiegħu.

Fuq kollox meta jara li dalwaqt se jiltaqa’ mal-Ħallieq, il-bniedem ikun jixtieq jipprepara ruħu spiritwalment billi jitlob il-maħfra, il-faraġ u l-għajnuna t’Alla.