11 February 2015

KTIEB ĠDID - Nixtiequ Naraw Lil Ġesù

Paul Mizzi
Nixtiequ Naraw Lil Ġesù
Studji introduttorji għal kull ktieb tal-Patt il-Ġdid
Miktub minn Paul Mizzi

Dan hu l-ewwel ktieb tax-xeħta tiegħu f’pajjiżna. Jikkonsisti fi studji introduttorji għall-kotba tat-Testment il-Ġdid u jagħti stampa wiesa’ tagħhom, mingħajr ma jidħol fid-dettall bħalma jagħmlu l-kummentarji. Jippreżenta il-qofol tal-messaġġ aktarx milli jipprova jsolvu kull pass diffiċli jew kontroversjali. Dan il-ktieb għandu jservi ta’ gwida għal dawk kollha li jridu jaqraw u jifhmu t-Testment il-Ġdid biex jiksbu profitt spiritwali massimu.

Il-ktieb hu pjuttost imżewwaq. L-analiżi tagħti lok għal kummentarju qasir kif ukoll għall-iżvolġiment ta’ suġġetti kruċjali. Kull Vanġelu jew Epistola għandhom qafas dwar kif inhuma strutturati biex il-qarrej ikun jaf, mad-daqqa t’għajn, x’fih il-ktieb u kif inhu mfassal. L-awtur jagħfas fuq it-temi li jispikkaw bla ma jintilef f’irqaqat żejda. Ta’ għajnuna għall-qarrej huma n-numru vast ta’ referenzi skritturali fit-test, noti f’qiegħ il-paġni kif ukoll glossarju ta’ aktar minn 2,000 kelma fl-aħħar tal-ktieb.

Kemm-il darba, fil-post xieraq, ma jħalliniex bejn ħalltejn x’inhu proprjament l-evanġelju, kif nistgħu nkunu milqugħa quddiem Alla u ngawdu l-maħfra tiegħu, mhux bil-merti tagħna iżda purament bil-grazzja divina murija fuq il-Kalvarju.

Diskussjoni dottrinali u teoloġika ma tonqosx. L-awtur jemmen illi b’impenn, talb u studju dedikat, wieħed jista’ jitgħallem u jasal għall-għarfa tal-verità evanġelika kif ħallewhielna l-awturi sagri li taw sehemhom biex ġie kompost it-Testment il-Ġdid. Huwa impressjonanti kif dan il-ktieb jabbina d-dottrina mal-prattika etika tal-Kristjan.

Aktar ma l-qarrej jindaga fil-ktieb, aktar jintebaħ b’liema mod sabiħ Ġesù hu mgħallem, jibda jifhem kemm jeħtieġu f'ħajtu, u jara kemm hu urġenti illi jikkonverti u jitgħallem jimxi miegħu bħala Sidu f’relazzjoni vitali ta’ dixxiplu. Il-qarrej hu sfidat intellettwalment iżda daqshekk ieħor imqanqal fir-ruħ.

Il-ktieb huwa hardbound, 780 paġna. Jinbiegh għal €30.
Jista’ jinkiseb billi wieħed jikkuntattja:

   Joseph Farrugia
   Dar tal-Pubblikazzjoni QUM
   Email: kotbaqum@gmail.com
   Mobile: 79048186

Aktar tagħrif: Gwida biex tagħmel użu tajjeb minn dan il-ktieb. Audio.