1 February 2015

Nibqgħu fid-dnub biex toktor il-grazzja?

Kull meta jixxandar l-evanġelju tal-grazzja t’Alla (salvazzjoni mogħtija bħala rigal, u mhux bi ħlas għall-ħidma tagħna), il-bniedem dejjem joġġezzjona, “Sewwa mela, ladarba salvati bil-fidi, allura nista’ ma’ nagħmel xejn tajjeb, anzi nista’ nibqa’ nagħmel dnubiet kemm irrid!”

L-appostlu Pawlu jsemmi u jwieġeb għal din l-oġġezzjoni, "Xi ngħidu mela, nibqgħu fid-dnub biex toktor il-grazzja?" (Rumani 6:1). It-tweġiba, f’kelma waħda, hi, "Allaħares! Ma jkun qatt!" X’inhu min jagħmillek il-ġid, tpattilu bid-deni? Min iħobbok, twieġbu bi gratitudni jew billi toffendih?

L-appostlu jikteb kapitlu 6 tal-Ittra lir-Rumani biex jispjegalna għaliex il-grazzja ma twassalx għal libertinaġġ. Fi ftit kliem l-appostlu juri li s-salvazzjoni bil-grazzja ma tfissirx biss maħfra u biljett għall-ġenna. Is-salvazzjoni tfisser ukoll ħelsien mit-tirannija ta’ dan is-sid kiefer, id-dnub, li qabel kien jifridna minn Alla, li tant għamlilna ħsara u li kien se jwassalna għall-mewt eterna. Alla jaqta' l-ktajjen li kienu jorbtuna. Permezz ta' Kristu l-grazzja ġabitilna ħelsin mill-ħtija u ħelsin mill-ħakma tad-dnub, biex issa ngħixu liberi u ngawdu ‘l Alla.

Le ma ngħidux, nibqgħu fid-dnub biex toktor il-grazzja; imma  ngħidu, għax il-grazzja t’Alla qotrot fi Kristu, aħna m’għadniex aktar fid-dnub, la fil-ħtija u lanqas fil-ħakma kiefra tiegħu.