10 February 2015

Pawlu jiltaqa' mal-Maltin

Fl-10 ta’ Frar reġa' ġie jżurna l-Appostlu Pawlu.

Iltaqa’ ma’ raġel tar-ruħ, ġej u sejjer il-knisja, jgħix ħajja tajba, u jitkaża bil-ħażen li dieħel f’pajjiżna. “Jien għext tajjeb bit-tama li jkun jistħoqqli l-Ġenna.” L-Appostlu ħares lejh bil-ħniena u qallu, “Ħabib, għix tajjeb, iva, imma għas-salvazzjoni ta' ruħek afda b'qalbek kollha fi Kristu biss. Alla jsalvana mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu."

Ġuvni li kien jissemma qabeż jgħidlu, “Jien hekk nemmen, bil-fidi biss, mhux bl-opri.” L-appostlu staqsieh jekk il-fidi tiegħu bidlitux, jekk sarx jobgħod id-dnub u jekk jagħmilx opri tajba. “X’għandhom x’jaqsmu l-opri?” wieġeb il-ġuvni, “Jien diġa' għidltlek li bil-fidi biss insalva.” L-Appostlu deher rrabjat, “Il-kundanna tiegħek hi xierqa.”

Malti ieħor, modern, qallu, “Għaliex dawn l-argumenti kollha fuq ir-reliġjon.Jekk Alla hu imħabba m’għandniex għalfejn ninkwetaw.” L-Appostlu qallu li Alla ħatar medjatur wieħed li jista' jħabbibna miegħu, Ġesù Kristu. Dawk li jiċħdu lil Kristu jkunu qed jiċħdu l-imħabba u l-maħfra t'Alla, u jkunu qed jistiednu l-korla tiegħu f'Jum il-Ħaqq.

Resaq ieħor u qallu, “Kemm ilni li rċevejt li Kristu ħajti nbidlet f’suċċess, prosperità u saħħa.” L-Appostlu – priġunier, idu f’idu, ġismu mkisser bis-swat u l-ħidma tiegħu għall-Mulej – lanqas indenja jwieġbu.

Fl-aħħar ried jiltaqa' miegħek ukoll, fil-kitbiet tiegħu fl-Iskrittura, biex jagħtik l-isbaħ aħbar ta' ħajtek. Titlifx din l-opportunità tad-deheb.