1 June 2015

Elisa, Sara u d-doughnut

Sarah (4 snin), it-tifla ta’ ħabiba tagħna, laqtet kastig għax kienet diżubbidjenti. Ommha ma ħallithiex tieħu doughnut. Oħtha l-kbira, Elisa (6 snin), qabżet għaliha imma kollu għalxejn.

“Le,” qaltilha ommha, “Sarah għandha kastig. Ma tistax tieħu doughnut.”

“Nista’ naqsam il-kastig magħha?" staqsiet Elisa, "Jien ma nieħux nofs id-doughnut tiegħi biex nagħtiha lilha."

Meta rat il-qalb tajba tagħha, omm Elisa ma qaltilhiex le!

Elisa kienet lesta tbati għal oħtha biex teħlisha mill-kastig. Din l-istampa ħelwa tal-affezzjoni bejn dawn l-aħwa tfakkarni fi storja ta’ mħabba akbar.

Aħna wkoll konna diżubbidjenti! Aħna ħatja li ksirna l-liġi t’Alla u ħaqqna il-kastig, ħaqqna l-mewt. Imma Ġesù daħal għalina quddiem Alla. B’differenza waħda. Ma qallux biex jaqsam magħna l-kastig, imma Ġesù ħadu kollu kemm hu fuqu, kif tgħid l-Iskrittura:

"Hu kien miġruħ minħabba ħtijietna, misħuq minħabba l-ħażen tagħna; il-kastig li bih għandna s-sliem kien fuqu” (Isaija 53:5).

Fuq is-salib Ġesù sofra l-kastig għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. Ġesù bata u miet biex aħna li nemmnu fih neħilsu mill-kastig fl-infern, niksbu s-sliem m'Alla u miegħu ngawdu l-ħajja eterna.