18 June 2015

Id-deni tifu (typhus)

X’jikkawża din il-marda?
It-tifu hi infezzjoni minn mikrobu li jissejjaħ ‘rickettsia’.

Kemm hi komuni?
F’pajjiżna d-deni tifu m’għadux daqshekk komuni. Kull sena jiġu rapportati ftit każijiet fit-tfal u fil-kbar. Wieħed jista’ jieħu din l-infezzjoni wkoll meta jżur pajjiżi foqra.

Kif tista’ taqbdek?
F’pajjiżna l-mikrobu jinxtered l-aktar bil-gidma tal-bergħud minn fuq annimali infettati (bħal firien –‘rats’, u ġrieden) u mill-qurdien.

X’inhuma s-sintomi?
Wieħed jibda’ jħossu ma jiflaħx madwar 10 sa 14-il jum wara li kien infettat. L-ewwel sintomi huma uġigħ ta’ ras qawwi, deni għoli u thewdin ( ‘typhus’ ġejja minn kelma Griega li tfisser ‘sħaba’). Id-deni jista’ jdum ġimgħatejn. Jista’ joħroġ raxx, bħal dbabar ħomor, li jibda fuq is-sider u jinfirex f’partijiet oħra tal-ġisem. Barra minn hekk wieħed jaf iħossu mdardar, u jkollu uġigħ ta’ żaqq u dijareja. Sintomi oħra jinkludi uġigħ fil-ġogi u l-muskoli.  Komplikazzjonijiet oħra huma rari.

Kif issir id-dijanjosi?
It-tabib jaħseb fil-possibbilità tad-deni tifu mis-sintomi u l-eżami fiżiku. Il-gidma tal-bergħud ġieli tkun tidher fuq il-ġilda ('eschar'). It-testijiet tad-demm jikkonfermaw id-dijanjosi.

X'inhi l-kura għat-tifu?
Il-kura tinkludi antibijotiku (bħal doxycycline fl-adulti jew azithromycin fit-tfal) u paracetamol jew ibuprofen għad-deni u l-uġigħ. Kultant ikun hemm bżonn kura l-isptar. Id-deni ġeneralment jinżel wara jumejn minn meta jinbeda l-antibiotiku u l-pazjent jirkupra kompletament.

X’inhuma l-miżuri ta’ prevenzjoni?
  • M’hemmx tilqima kontra t-tifu.
  • It-tfal m’għandhom jilgħabu f’postijiet infestati bil-ġrieden.
  • Ara li l-pets jirċievu t-trattament kontra l-briegħed u l-qurdien.
  • Meta ssiefer evita postijiet fejn it-tifu hi komuni u torqodx f’sodda li tista’ tkunu infestata bil-baqq (peress li fil-forma tat-tifu li hemm f’dawn il-pajjiżi l-mikrobu jista’ jinxtered ukoll minn bniedem għall-ieħor permezz tal-baqq fl-imtieraħ jew fil-lożor).