31 August 2015

TV, tablets u mobiles

Min meta jkunu għadhom trabi t-tfal qed iqattgħu wisq ħin quddiem it-TV, computer, tablet jew mobile phone.

Dan iwassal għal ħafna problemi.

1. Ħin twil sedentarju, u allura anqas attività fiżika u obesità.

2. It-tfal żgħar iqattgħu anqas ħin f’attivitajiet oħra (jilgħabu, jitkellmu, jaraw jew jaqraw kotba u jpenġu) li tant huma meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom.

3. Addiction għall-użu tal-elettronika, tant li ma jkunux jistgħu jgħaddu mingħajrhom.

4. Il-komunikazzjoni soċjali mal-bqija tal-familja tbati. (Qatt rajt familja f’ristorant ma jitkellmux bejniethom għax kulħadd mhedi bil-gadget tiegħu?)

5. Problemi fl-istudju, l-posture u l-irqad peress li jqattgħu wisq ħin quddiem l-iscreen.

6. Xi programmi/logħob vjolenti u indiċenti jistgħu jħallu effett psikoloġiku u fuq l-imġieba tat-tfal.

7. Nuqqas ta’ attenzjoni (peress li l-immaġini fuq l-iscreen il-ħin kollu tinbidel).

8. Hemm dibattitu jekk ir-raġġi elettronici mill-mobile phones u tablets jistgħux jagħmlu ħsara fil-moħħ jew iżidu r-riskju ta’ cancer, speċjalment fit-tfal li huma aktar vulnerabbli peress li għadhom żgħar.

X’nistgħu nagħmlu?

1. Ma nħallux TV jew kompjuter fil-kamra tas-sodda.

2. Nillimitaw il-ħin quddiem l-iscreen (ftit li xejn fl-ewwel sentejn tal-ħajja, u wara sentejn sa massimu ta’ siegħa jew tnejn b’kollox f’ġurnata).

3. Issorvelja x’inhuma jaraw u għiinhom jagħżlu programmi u logħob tajbin.

4. Il-ġenituri għandhom jagħmlu regoli ċari fuq l-użu tal-media u jinforzawhom.

5. Il-ġenituri għandhom jgħinu lit-tfal jqassmu l-ħin tagħhom f’diversi attivitajiet oħra, u jqattgħu ħin flimkien bħala familja.

6. Waqt il-ħin tal-ikel bħala familja m’hemmx TV jew gadgets.

7. Tħallix mobile phones f’idejn it-tfal, ħlief għal ftit sekondi, u l-bogħod minn rashom (speċjalment meta tkun qed tipprova taqbad u f’postijiet, bħal xi lift, fejn ikun humm signal dgħajjef, u allura l-mobile ikun qed jitfa’ aktar raġġi).

8. Bħala ġenituri rridu nagħtu eżempju 'l uliedna. (It-tfal jarawni l-ħin kollu fuq facebook? Qed jarawni bi ktieb f'idi daqs kemm jarawni bit-tablet jew mobile?)