2 September 2015

Il-ħajja tal-omm fil-periklu waqt it-tqala

l-abort ġustifikat jekk il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu?

Kultant ikun hemm komplikazzjonijiet serji waqt it-tqala. Każ tipiku huwa ectopic pregnancy. Issoltu l-bajda tkun fertilizzata fil-fullopian tube u wara l-embrijun jinżel fl-utru fejn ikompli jiżviluppa u jikber. Ġieli jiġri li l-embrijun jeħel fil-fullopian tube. Dan mhux intiż biex isostni t-tqala u għalhekk l-omm tkun fil-periklu ta’ emorraġija interna.

X'jagħmel it-tabib f’dawn iċ-ċirkostanzi? It-tabib jopera fuq il-fullopian tube biex jipreveni jew iwaqqaf l-emorraġija. Il-fetu imut waqt l-operazzjoni imma l-ħajja tal-omm tkun salvata.

Mill-aspett etiku din il-proċedura hija ġustifikata u neċessarja. Jekk ma jsir xejn il-fetu jmut u l-omm tista’ tmut ukoll; b’intervent kirurġiku l-fetu jmut u l-omm tgħix.

Intervent bħal dan m’għandux jissejjaħ abort għax hu għal kollox differenti. L-għan huwa li tiġi salvata ‘l omm u mhux li tinqatel it-tarbija. Bl-intervent jew mingħajru l-fetu se jmut xorta waħda. Filwaqt li fl-abort, l-għan huwa li tinqatel tarbija f’saħħitha u meta l-ħajja tal-omm mhix fil-periklu.

L-intervent biex tkun salvata l-omm nistgħu nxebbħuh ma’ żewġ persuni fil-baħar qed jegħrqu. Jiġi xi ħadd b’dgħajsa u jsalva wieħed minnhom, imma lil ieħor ma jistax isalvah. Mill-banda l-oħra l-abort jixbaħ żewġ persuni fuq dgħajsa, u jiġi xi ħadd u jitfa’ wieħed minnhom il-baħar biex jegħreq.

Hemm ċirkostanzi oħra, bħal eclampsia (pressjoni għolja tad-demm, aċċessjonijiet u problemi fil-kliewi), li tqiegħed fil-periklu l-ħajja tal-omm, u allura tal-fetu wkoll. F’dan il-każ it-tabib jwelled it-tarbija qabel iż-żmien. B’hekk l-omm tkun mfejjqa, u fortunatament, it-tarbija wkoll sikwit issalva avolja titwieled prematura.

B’mod ġenerali, fil-komplikazzjonijiet serji tat-tqala, it-tabib għandu jimmira li jsalva l-ħajja tal-omm u tat-tarbija wkoll għalkemm dan mhux dejjem possibbli.