28 November 2015

Stordament u ħass ħażin

It-tfal jistordu u jintilfu minn sensihom minħabba nuqqas fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm lejn il-moħħ.

Qabel jintilef minn sensih, it-tifel jista’ jħossu stordut u mdardar. Jekk jibqa’ ma’ jpoġġix bilqegħda jew jimtedd, it-tifel jintilef minn sensih u jista' jaqa' fl-art u jkorri. Id-dehra tal-ġilda tkun pallida u l-qalb tkun tħabbat bil-mod. Jibda jiġu f’tiegħu wara diversi minuti.

KAWŻI

Il-ħass ħażin komuni jissejjaħ ‘vasovagal fainting’ jew ‘vasovagal syncope’. L-uġigħ, il-biża, ħin twil bilwieqfa, dehydration, qawmien bilwieqfa f’daqqa, strapazz u s-sħana jistgħu jwasslu għal ħass ħażin. Kawżi oħra jistgħu jkunu problemi fil-qalb, aċċessjonijiet u breath-holding spells.

L-EWWEL GĦAJNUNA

Jekk it-tifel ikun stordut imma għadu f'sensih, poġġih bilqegħda b’rasu bejn irkopptu jew middu fl-art b’riġlejh ftit merfugħa.

Jekk it-tifel ikun intilef minn sensih, middu fl-art fuq id-dahar, b’riġlejh merfugħa ‘il fuq.

Tipprovax tagħtih jixrob. Ħoll ħwejjeġ issikkati (bħal buttuna tal-qmis). Oqgħod ħdejn il-pazjent sakemm jirkupra. Għall-ewwel ħallih ipoġġi bilqiegħda. Tħallihx jqum bilwieqfa jew jimxi qabel iħossu tajjeb.

PREVENZJONI

It-tfal għandhom jixorbu biżżejjed u jevitaw dawk iċ-ċirkostanzi li jwasslu għal stordament.

EŻAMI MEDIKU

Huwa importanti li tikkonsulta mat-tabib biex jagħmel dijanjosi korretta, u jekk ikun hemm bżonn jordna xi testijiet (bħal ECG għall-qalb jew EEG jekk jissuspetta aċċessjonijiet).

Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.