2 February 2016

Il-virus Zika

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ddikjarat il-virus Zika bħala emerġenza globali fis-saħħa pubblika. Din l-infezzjoni qed tinfirex fil-Brażil u diversi pajjiżi oħra fl-Amerika Latina. Hemm evidenza li dan il-virus qed iwassal għat-twelid ta’ eluf ta’ trabi b’moħħ żgħir (‘microcephaly’).

Dan il-virus jismu “Zika” għall-post fl-Uganda fejn kien instab l-ewwel darba (fl-1947).

Sintomi

80% tan-nies infettati bil-virus Zika ma jkollhom ebda sintomi. Fil-bqija s-sintomi jinkludi deni, għajnejn ħomor, uġigħ, ħedla u raxx fil-ġilda. Il-marda hi ġeneralment waħda ħafifa u ddum biss ftit ġranet.

Il-problema ewlenija hi l-effett tal-virus fuq it-tarbija fil-ġuf. It-tarbija titwieled b’ras żgħira peress li l-moħħ ma jkunx żviluppa b’mod normali, u dan jista’ jfisser problemi fl-iżvilupp tagħha. Dan kollu jixbaħ dak li kien jiġri bil-virus tal-ħożba Ġermaniża (rubella) qabel ma kien hawn it-tilqima tal-MMR.

Kif tinxtered

Il-virus jinxtered minn minn nemus Aedes minn persuna infettata għal oħra. Hemm żewġ tipi ta' nemus li jxerrdu l-virus Zika: A. aegypti (li m'hawx minnhom Malta) u A. albopictus, l-Asian Tiger mosquito (li hawn minnhom f'pajjiżna). Il-virus ma jinxteridx direttament minn persuna għal oħra, ħlief mill-omm għat-tarbija fil-ġuf u possibbilment b’mod sesswali.

Protezzjoni

M’hemm ebda kura jew tilqima kontra il-virus Zika. Protezzjoni mill-gdim tan-nemus (insect repellants, kmiem twal, eċċ) jnaqqsu r-riskju ta’ infezzjoni. Nisa tqal m’għandhomx isiefru f’dawk il-pajjiżi fejn hemm din l-epidemija. Nisa li jżuru dawn il-pajjiżi m’għandhomx jinqabdu tqal sakemm idumu hemm. Ir-riskju li l-virus Zika jibda jinxtered f'pajjiża huwa żgħir.