Food Poisoning

L-avvenilament tal-ikel jiġri minħabba l-mikrobri u tossiċi fl-ikel għax ma jkunx imsajjar jew merfugħ sewwa. Is-sintomi jinkludu deni, uġigħ ta’ żaqq, dardir, remettar u dijareja. Bi ftit attenzjoni, nistgħu faċilment nevitaw din il-problema.

1. Aħsel idejk bl-ilma u s-sapun qabel tibda tipprepara l-ikel jew issajjar, u erġa’ aħsilhom wara li tkun missejt laħam nej jew bajd.

2. Naddaf l-uċuh li fuqhom tipprepara l-ikel, u speċjalment il-bord li tqatta l-ikel fuqha.

3. Żomm il-laħam nej u ikel imsajjar f’reċipjenti jew boroż separati minn xulxin. Ara li l-laħam nej ma jmissx ma ikel ieħor.

4. Sajjar l-ikel sewwa fl-ilma jagħli jew temperatura għolja, u ħalliħ jibred qabel isservih.

5. Tieħux bajd nej (bħat-taħlita tal-kejk qabel jidħol fil-forn u deżerta li fija bajd nej). Il-bajd għandu jissajjar sakemm jibbies, froġa jew msajjar mal-ikel (ngħidu aħna l-imqarrun jew quiche lorraine).

6. Evita frott tal-baħar nej.

7. Aħsel sewwa il-frott u ħaxix.

8. Tħallix ikel imsaħħar barra l-friġġ, avolja tkun se tużah fi ftit sigħat.

9. Biex terfa l-ikel imsajjar, kessħu malajr (jekk hemm bżonn permezz tal-ilma), u poġġiħ fil-friġġ jew friżer. L-ikel fil-friġġ irid jittiekel sa jumejn. Ikel friżat irid ikun defrosted qabel jissaħħan billi tpoġġih fil-friġġ minn filgħaxija jew fil-microwave ‘defrost’.

10. Meta terġa’ ssaħħan l-ikel, saħħnu sakemm isir jaħraq ħafna jew jagħli. Ħallieħ jibred qabel isservih. Jekk tuża l-microwave biex issaħħan, ħawwad l-ikel peress li ma jisħonx kullimkien l-istess. Terġax issaħħan l-istess ikel darbtejn. Terfax l-ikel li jibqa fil-platt.

11. Għallem lit-tfal jaħslu idejhom bl-ilma u s-sapun qabel l-ikel u wara li jmorru t-toilet.

12. L-imgħaref, frieket, platti u tazzi għandhom jinħaslu bl-ilma sħun u s-sapun tal-platti (imma m’hemmx għalfejn ikunu sterilizzati, lanqas għat-tfal żgħar).