Rispett lejn il-ġenituri

X'irrid ngħallem l-aktar lil uliedi? Jien u marti rridu ngħallmuhom jiktbu, jaqraw, ix-xjenza, l-arti, l-istorja, jieħdu ħsieb saħħithom, ikunu soċjevoli u li jgawdu l-ħajja. Imma fuq kollox irridu ngħallmuhom ir-rispett - rispett lejn Alla u lejn il-ġenituri tagħhom. Jekk infallu hawnhekk inkunu fallejna kompletament.

Kif jistgħu l-ġenituri jgħallmu ‘l uliedhom jirrispettaw lil missierhom u lil ommhom?
  1. Ir-raġel u l-mara għandhom juru rispett lejn xulxin. Ir-raġel jagħti ġieħ lil martu billi jkellimha b’ġentilezza, mingħajr rabja jew għajjat, u jqisha bħala l-maħbuba tiegħu u mhux qisha xi seftura. It-tfal iridu jisimgħuh jgħidilha grazzi u prosit u kemm iħobbha. Il-mara wkoll trid turi rispett lejn ir-raġel u t-tmexxija tiegħu, mhux tagħmillu l-bsaten fir-roti, imma tikkopera u taħdem id f'id miegħu.
  2. Il-ġenituri għandhom jieħdu bis-serjetà r-rwol tagħhom bħala coaches għal uliedhom, u mhux iħalluhom għal rashom u jagħmlu li jridu (x’ħin jorqdu, jistudjaw, jilgħabu, jużaw gadgets, eċċ). Tirrispettah coach ta’ xi sport jekk qatt ma jagħtik direzzjoni, jikkoregik, ifaħħrek u jinkoraġġik?
  3. Il-ġenituri għandhom iżommu kelmithom sew jekk tkun xi wegħda, kif ukoll jekk tkun xi twissija ta’ kastig. Aħjar ma tgħid xejn milli tmur lura minn kelmtek. 
  4. Il-ġenituri għandhom ikollhom il-kuraġġ u l-umiltà jitolbu maħfra meta jiżbaljaw, lil xulxin, u anke lit-tfal tagħhom.
  5. Il-ġenituri għandhom jirrispettaw lil uliedhom billi jkunu ġusti magħhom, jagħtuhom attenzzjoni u jisimgħuhom, u ma jużawx kliem dispreġjattiv ('Kemm inti injorant!'). It-tfal għadhom bżonn tikka kritika kostruttiva imma jeħtieġu muntanja ta' kuraġġ u tifħir mill-mamà u l-papà.
  6. Il-ġenituri għandhom ikunu mudelli għalihom fir-rispett lejn kulħadd. Jekk, ngħidu aħna, hemm kwistjoni mal-għalliema tal-iskola, il-ġenituri għandhom ikellmuha b’rispett u mhux bi glied, u m'għandhomx jitkellmu kontra tagħha quddiem it-tfal.
  7. It-tfal iridu jaraw lill-ġenituri tagħhom jgħixu ħajja onorabbli – fil-bżulija, onestà, ġentilezza u ġenerosità. Ħadd ma jirrispetta bniedem ipokrita, u l-ġenituri ma jistgħux jinħbew jew jilbsu maskra quddiem uliedhom.
  8. It-tfal iridu jaraw lill-ġenituri jagħtu ġieħ lin-nanniet billi jżuruhom, jieħdu ħsiebhom, ikellmuhom b'rispett u jieħdu paċenzja bihom.
  9. Il-ġenituri għandhom jgħallmu lil uliedhom għaliex għandhom juruhom rispett u jobduhom. L-ogħla raġuni huwa l-kmandament t’Alla lit-tfal: weġġaħ lil missierek u lil ommok. Jekk t-tfal jkunu diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ikunu qed joħduha kontra Alla, imma meta jirrispettawhom ikunu qed jonoraw lil Alla!
Din l-attitudni tistieden il-barka t’Alla fuqhom fi tfulithom u matul ħajjithom kollha.