Ninkoraġġixxu lil uliedna


It-tfal għandhom bżonn min jinkoraġġihom. Sfortunatament aħna l-ġenituri sikwit niżbaljaw u minflok nibnuhom, naqtgħulhom qalbhom. Ktibt lista ta' żbalji komuni li nagħmlu, bl-għan li ntejbu r-rwol tagħna bħala ġenituri.

Protezzjoni Żejda
Sabiex jipporteġu t-tfal, xi ġenituri jmorru fl-estrem u joħonquhom. Jibżgħu li wliedhom ċkejknin jitħammġu, jweġġgħu jew jimbarxu. Ma jafdawx ‘l uliedhom akbar jieħdu deċiżjoni weħidhom (li ma jieħdux xi żball!) u ma jħalluhomx imorru ħarġa ma sħabhom. Dawn it-tfal ma jħossuhomx fdati u jitilfu kull sens ta’ inizzjattiva.

Bla Kontroll
Il-ġenituri jagħtu lit-tfal kulma jridu u jħalluhom jagħmlu kulma jixtiequ. Qatt ma jgħidulhom ‘le’. M’hemmx regoli jew jekk hemm regoli m’humiex inforzati. Qatt ma jingħataw kastig. Qatt ma sofrew il-konsegwenzi ta’ għemilhom u d-deċiżjonijiet tagħhom. Tfal bħal dawn ma jitgħallmux ikunu responsabbli u ma jikkuntentaw ruħhom b’xejn.

Favoritiżmu
Il-ġenituri jippreferu tifel jew tifla aktar minn ħuthom. Lil wieħed dejjem iffaħħruh, u lil ieħor jikkritikawh jew jinjorawh. ‘Kemm iddum biex tifhem! Ara oħtok kemm hi brava!’ Kliem bħal dan inissel għira u rabja.

Misjuqa
Il-ġenituri m’huma qatt sodisfatti. Jekk it-tifel ġab 80 fl-eżami, ‘Stajt mort aħjar!’ Missier jimbotta lit-tifel biex ikun l-aħjar futboller, biex jiġi l-ewwel fil-klassi, jew omm issus wara bintha biex tkun l-isbaħ u l-aħjar fl-iżfin jew il-pjanu. Forsi biex jilħqu f’uliedhom dak li l-ġenituri qatt ma rnexxielhom personalment? It-tfal iħossuhom frustrati li qatt ma jistgħu jogħġbu l-ġenituri.

Xkiel
Il-ġenituri jqisu ‘l uliedhom bħala xkiel. It-tfal jisimgħu kummenti bħal, ‘Nixtiequ niġu, imma kif nistgħu bit-tfal?!’Jew, it-tifel jiġi jurik it-tpinġija li għamel jew il-logħba fuq it-tablet, u minflok tagħtih l-attenzzjoni, tgħidlu, ‘Mhux issa, bħalissa għandi x’nagħmel.’Imbagħad il-ġenituri ma jkunux jistgħu jifhmu għaliex uliedhom jitilfu l-interess fihom.

Id tal-Ħadid
Il-ġenituri jmexxu bl-id tal-ħadid. Jikkmandaw b’mod kapriċċjuż. ‘Itfi t-television issa!’ (Jaħasra l-istorja li kien qed jara kien għodda spiċċat! Mhux aħjar tgħidlu, ‘Kif tispiċċa l-istorja, itfi t-television’?).Meta l-ġenituri jkunu riġidi magħhom, it-tfal iħossu li m’humiex stmati b’mod ġust, li l-volontà tagħhom hi misħuqa. Dixxiplina bla ħniena u goffa tixbaħ ħabs minflok iċ-ċint ta’ fuq il-bejt maħsub għall-ġid u l-ħarsien tiegħek.

Skoraġġiment
It-tfal jisimgħu kliem bħal, ‘Int ma tifhimx.’ Jew, ‘Kemm inti injorant.’ Jew jisimgħu l-ġenituri jitkellmu fuqhom, ‘Kemm għandi tifel imqareb!’ Diskors bħal dan huwa skoraġġanti mmens. X’mottiv qed tagħti lit-tfal biex jitgħallmu u jġibu ruħhom aħjar? Minflok tibqa’ ittambar, ‘Kemm inti naughty!’, mhux aħjar tgħidu, ‘Ryan, inti tifel bravu. Jiddispjaċini meta tagħmel hekk. Darb’ oħra terġax, ok?’

'Ma’ Nħobbokx!'
L-omm tgħid lil bintha żgħira: ‘Il-mamà ma tħobbokx jekk tagħmel hekk.’ Mela l-imħabba tiżdied u tonqos skont l-imġieba? Mhux aħjar tgħidilha, ‘Jien inħobbok. Jiddispjaċini jekk tagħmel hekk.’ It-tfal għandhom iħossuhom maħbubin dejjem, speċjalment meta jkunu dixxiplinati.

Għeżież ġenituri, ejja nżommu f'moħħna dak li jgħidilna Alla fl-Iskrittura biex inrabbu 'l uliedna sewwa: "Intom, missirijiet, la ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom" (Kolossin 3:21); "U intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej" (Efesin 6:4).