Kemm ghandhom jieħdu zokkor it-tfal?

It-tfal għandhom jieħdu anqas minn 25g zokkor kuljum, l-ekwivalenti ta’ 6 kuċċarini, skont stqarrija xjentifika mill-American Heart Assosiation (AHA).

Ir-riċerka xjentifika turi li l-konsum ta’ zokkor żejjed huwa marbut ma’ obeżità u xaħam fid-demm – żewġ fatturi ewlenin li jwasslu għall-mard tal-qalb. Tfal ħoxnin li jibqgħu jieħdu zokkor żejjed huma f’riskju li jiżviluppaw id-dijabete.

Fl-Istati Uniti t-tfal jikkonsmaw madwar 80 g zokkor kuljum, li hu aktar minn tlett darbiet l-ammont rikkomandat mill-AHA u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Nissuspetta li t-tfal Maltin m’humiex wisq differenti peress li d-dieta tagħhom tinkludi ħafna ikel proċessat, ħlewwiet u xarbiet ħelwin.

Zokkor moħbi

Agħti titwila lejn il-lista qasira ta’ ikel u xarbiet komuni li jieħdu t-tfal. Innota l-ammont kbir ta’ zokkor miżjud fihom – ftakar li t-tfal m’għandhomx jieħdu aktar minn 6 kuċċarini zokkor kuljum.
  • Cocopops 30g - 12g (3 kuċċarini)
  • Dessert Vanilla Yogurt 150g - 22g (5½ kuċċarini)
  • Kinder finger - 7g (2 kuċċarini)
  • Bauli Crossaint - 10g (2½ kuċċarini)
  • Ice Tea 200ml - 10g (2½ kuċċarini)
  • Coke 330ml - 35g (9 kuċċarini)
  • Safari orange 250ml - 27g (7 kuċċarini)
  • Benna Chocolate Milk Drink 200ml - 24g (6 kuċċarini)
Tajjeb nibdew nagħtu aktar każ tal-informazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel, speċjalment dawk li huma immirati għat-trabi u t-tfal. Ħafna minnhom l-aħjar inħalluhom fuq l-ixkaffa tal-ħanut.

Kif tnaqqas iz-zokkor

Minbarra iz-zokkor u għasel miżjud mal-ikel, irridu noqgħodu attenti għaz-zokkor moħbi f’ħafna prodotti tal-ikel u xarbiet. Dan jgħodd għall-ħlewwiet (bħal pasti, gallettini, kejkijiet, ġelati, ħelu u ċikkulta), kif ukoll għal ikel ieħor li hu meqjus tajjeb għas-saħħa (bħaċ-ċereali tal-breakfast u jogurts). Għandna nevitaw ikel li t-tikketta ta’ informazzjoni tinkludi ammont sostanzjali ta’ brown sugar, corn sweetener, corn syrup, dextrose, glucose, invert sugar, lactose, malt syrup, maltose, molasses, sucrose u fructose.

Sors ewlieni ta’ zokkor miżjud huwa x-xorb – luminati, ice-tea, juices, sports u energy drinks. L-AHA twissi li t-tfal m’għandhomx jieħdu aktar minn tazza (200 ml) luminata fil-ġimgħa. Peress li m’hemmx riċerka biżżejjed fuq sweeteners artifiċjali (bħall-aspartame, saccharine u sucralose), wieħed ma jistax jirrakkomanda dawn il-prodotti bħala alternattiva minflok xarbiet biz-zokkor. L-aħjar xarbiet huma l-ilma frisk u ħalib.

Tfal taħt sentejn

Fl-ewwel sentejn tal-ħajja, il-ġenituri għandhom jevitaw iz-zokkor miżjud jew moħbi fl-ikel. Dan jgħodd għall-gallettina, juices u diversi cereals ħelwin. L-aħjar tagħti weetabix jew oats porridge (meta t-tarbija tkun kapaċi tiekol ikel bil-biċċiet). It-tarbija u t-toddlers għandhom jingħataw ikel nutrittiv li hu tant meħtieġ biex jikbru b’saħħithom u jiżviluppaw sewwa. Barra minn hekk l-ġenituri għandhom idarru lit-tfal minn ċkunithom bi drawwiet tajba tal-ikel. Trabi u tfal żgħar li jingħataw ikel u xorb ħelu jibqgħu jippreferu dan l-ikel fil-bqija ta’ ħajjithom.

Issa huwa l-waqt

L-aħjar mod biex nevitaw iz-zokkor miżjud fid-dieta tat-tfal huwa billi noffrulhom ikel ġenwin bħal frott, ħaxix, wholegrains (bħal ħobż u ross ismar, u għaġin integrali), prodotti tal-ħalib, laħam dejf, tiġieġ u ħut. Il-frott huwa tajjeb avolja fih iz-zokkor, peress li l-frott jinkludi wkoll il-fibra u ħafna vitamini.

Qatt m’huwa tard li ntejbu d-dieta tagħna u ta’ wliedna. It-tnaqqis fiz-zokkor huwa pass ewlieni li rridu nagħmlu – mhux f’ġurnata, imma b’bidliet żgħar – u dan nistgħu nagħmluh billi nieklu aktar ikel bnin, naturali u ġenwin.

Aktar tagħrif

World Health Organisation: LINK
American Heart Association: LINK