Appuntament
- L-ewwel tilqima tingħata fiċ-Ċentru tas-Saħħa, meta t-tarbija jkollha madwar 6 ġimgħat, fl-istess ġurnata tal-viżtà fil-Well Baby Clinic.
- It-tilqima tal-meninġite fil-privat tista' tinbeda madwar ġimgħa wara.
- Immarka fil-kalendarju l-appuntamenti li jkun imiss biex ma tinsiex.
- Informa l-klinika jekk għal xi raġuni ma tkunx tattendi, u biex tingħata appuntament ieħor.
- Ħu l-ktejjeb tat-tarbija miegħek biex jitniżżlu t-tilqim fih u jkollok rekord tat-tilqim kollu. It-tabib jinforma wkoll in-National Immunisation Services bit-tilqim li jingħata fil-privat.
- It-tilqima tingħata fil-koxxa tat-tarbija - tlibbisx it-tarbija b'ħafna ħwejjeġ ġoffi. Fit-tfal akbar it-tilqima tingħata fid-driegħ - evita 'polo neck' u kmiem twal u ssikkati.
- Iċċekkja t-temperatura tat-tarbija qabel tmur il-clinic, imma tagħti ebda mediċina.
- Idealment it-tarbija ma tkunx bil-għatx jew għajjiena qabel it-tilqima.
- Jekk it-tfal ikunu morda bid-deni, ma jifilħux sew jew jekk ikunu qed jieħdu xi steroids, ikun aħjar li t-tilqima tkun posposta. Jekk ikollhom sintomi ħfief ta' riħ, it-tilqima tista' tingħata xorta waħda.
- Għid minn qabel lit-tfal kbar li se jieħdu tilqima. Aħjar ikunu ppreparati.
- It-tfal iħossuk jekk tkun nervuża. Żomm kalma biex it-tfal ma jibżgħux u jkunu kalmi huma wkoll.
- Żomm it-tifel jew it-tifla sewwa kif tgħidlek in-ners jew it-tabib. Jekk tiddejjaq jew tibża', ħalli f'idejn ħaddieħor.
- Kun onesta mat-tfal. Aħjar tgħidilhom li se jħossu tingiża żgħira, milli tgħidilhom li mhux se jiġri xejn.
- Fi ftit mumenti titnaddaf il-ġilda bl-ispirtu u tingħata t-titqiba. Jekk ikun se jingħataw żewġ tilqimiet, l-aħjar li jingħataw immedjatament wara xulxin biex tkun kedda waħda.
- Meta tingħata t-tilqima, erfa' t-tarbija fi ħdanek, kellimha bil-ħlewwa, u offrilha gażaża. It-tarbija ssoltu tieqaf tibki fi ftit ħin. Toddlers jistgħu jkunu aljenati b'xi ġugarell jew soft toy. Assigura t-tfal akbar li huma lesti u l-uġigħ dalwaqt imur.
- Neħħi l-istikka wara xi siegħa.
- Osserva t-tarbija u t-tfal wara t-tilqima. Fl-ewwel 24 siegħa jista' jitla' ftit deni u jistgħu jkunu xi ftit imdejqin b'xi uġigħ. (It-tilqima tal-MMR tista' tagħti deni minn ħames sa għaxart ijiem wara).
- Agħti paracetamol jekk ikollhom is-sintomi biss, mhux għal xejn b'xejn. Tista' terġa' tagħti paracetamol wara erba' sigħat jekk ikun hemm bżonn.
- Kellem it-tabib jekk is-sintomi jippersistu, jew jekk ikun hemm xi nefħa jew ħmura fejn tkun ingħatat it-tilqima.
Disclaimer
L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.