9 February 2017

Ir-rigal t'Alla

Kont għadni żagħżugħ meta smajt l-ewwel darba l-messaġġ tal-Insara Evanġeliċi. Qaluli li s-salvazzjoni hi rigal, għotja mingħand Alla, li nirċevuha bil-fidi fi Kristu u mhux bil-merti tal-opri tagħna.

Sa minn ċkuniti kont tgħallimt mod ieħor. Sabiex insalva, mal-fidi għandi bżonn ukoll il-magħmudija u s-sagramenti l-oħra, nobdi l-kmandamenti u ngħix tajjeb biex ikun jistħoqqli l-ħajja ta' dejjem, u nagħmel il-penitenzi bi tpattija għal dnubieti.

Fidi Ġenwina u Fidi Mejta

It-tagħlim tal-Evanġeliċi kien jidher żbaljat u perikoluż. Żbaljat għax San Ġakbu jwissina li fidi mingħajr opri hi mejta; perikoluż għax donnu jenkoraġġixxi ħajja laxka. Wara kollox għaliex għandi ngħix tajjeb ladarba l-opri tajba ma jsalvawnix?

Bdejt naqra u nfittex fl-Iskrittura. Sibt li l-interess ta' Ġakbu kien li jagħżel il-fidi ġenwina mill-fidi falza. "X'jiswa ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista' ssalvah din il-fidi?" (Ġakbu 2:14). It-taparsi "fidi" tal-paroli biss ma tiswa xejn u ma ssalva lil ħadd. Il-fidi ġenwina dejjem tintwera bl-opri tajba.

Mhux mill-Opri

Imma tibqa' l-mistoqsija: Il-bniedem isalva permezz tal-fidi, jew bil-fidi mal-merti tal-opri wkoll? It-tweġiba tal-appostlu Pawlu qatt ma kont smajtha fil-knisja Kattolika:

"Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b'don ta' Alla; mhux bl-opri , biex ħadd ma jiftaħar" (Efesin 2:8, 9).

Salvati permezz tal-fidi ... salvati mhux bl-opri! L-Iskrittura li tant tenfasizza l-opri ta' mħabba u ħajja qaddisa, tisħaq ukoll li s-salvazzjoni ma tiddependix fuq il-merti tal-opri tagħna. Mhux bl-opri! Il-Kristjan ma jserraħx fuq l-opri tiegħu imma jafda f‟persuna oħra, fil-Mulej Ġesù Kristu.

L-Opra ta’ Kristu

Meta tgħid li salvati "mhux mill-opri", il-Bibbja qed titħaddet fuq l-opri tagħna. Ma jfissirx li s-salvazzjoni hi ħaġa ħafifa. Il-ħidma biex jinkiseb il-ħelsien tal-midneb hi hekk kbira li ħadd ma seta' jwettaqha ħlief Alla nnifsu permezz ta' Ibnu Ġesù.

L-Iben etern sar bniedem, ħa fuqu d-dnubiet ta' niesu u ħallas għalihom darba għal dejjem bil-mewt tas-salib. L-opra tal-fidwa hi xogħol il-Mulej waħdu u mhux tagħna wkoll. Il-prezz tal-ħelsien huwa d-demm prezzjuż ta' Kristu u mhux l-opri u l-penitenzi tagħna.

Għall-Opri Tajba

Bdejt nifhem bil-mod li m'għandix nibqa' nafda fija nnifsi u f‟dak li jistgħu jwettqu idejja. Alla jridni nemmen u nafda kompletament f'Ibnu Kristu Ġesù. Imma xorta kont għadni mifxul rigward ir-rwol tal-opri tajba.

L-appostlu Pawlu jispjega: "Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu" (Efesin 2:10). L-ewwel saħaq li bniedem isalva "mhux bl-opri", u fl-istess nifs ikompli jgħid, "biex nagħmlu l-opri tajba." Fi kliem ieħor, l-opri tajba m'humiex il-kawża iżda l-frott tas-salvazzjoni.

Għaliex mela għandi ngħix tajjeb ladarba l-opri tajba ma jsalvawnix? Għax jien issa ħolqien ġdid tiegħu; Alla tani qalb ġdida u ubbidjenti lejh. Nagħmel it-tajjeb għax issa għandi mottiv ogħla. Mhux aktar biex nixtri l-favur t'Alla imma biex minn qalbi nirringrazzjah għall-ħniena infinita li wera miegħi. "Aħna nħobbuh għax hu ħabbna l-ewwel" (1 Ġwanni 4:19).

Fidi fil-Mulej Ġesù

Illum jien Kristjan Evanġeliku u ninsab żgur mis-salvazzjoni ta' ruħi. Ma niftaħarx bija nnifsi għax m'għadnix iżjed niddependi fuq l-opri tiegħi. Illum niftaħar bi Kristu, il-Ħellies tiegħi, u s-salib tiegħu. Fih biss nafda; is-sagrifiċċju tiegħu hu biżżejjed biex inaddafni minn kull dnub. Ma nixba qatt nirringrazzjah u nixtieq biss ngħix biex nogħġob lilu.

Illum ninkwieta għall-Maltin ħuti li jgħidu li jemmnu avolja ħajjithom hi dominata mill-ħażen u nieqsa mill-qdusija. Jippretendu li fl-aħħar xorta jispiċċaw sewwa, iżda l-Mulej iwissihom li l-fidi tagħhom hi mejta u tmiemhom huwa t-telfien fl-Infern.

Ninkwieta ukoll għal ħafna Maltin oħra li għandhom il-biża' t'Alla u qed jagħmlu ħilithom biex jimmeritaw il-maħfra u l-grazzja t'Alla. Jemmnu fi Kristu iżda ma jemmnux għalkollox fih għax għadhom iserrħu wkoll fl-opri tagħhom.

Nixtieq inxandar l-istess messaġġ li smajt f'żgħożiti għax konvint li hu l-messaġġ safi tal-Iskrittura Mqaddsa. Jekk trid issalva, emmen fil-Mulej Ġesù Kristu u tafdax iżjed f‟għemil idejk. Ilqa' s-salvazzjoni bħala għotja b'xejn mogħtija mill-qalb ħanina t'Alla, u mbagħad għix il-bqija ta' ħajtek għal Kristu u ftaħar kemm tiflaħ bih.