17 February 2017

Nghinu 'l uliedna waqt l-eżamijiet

It-tfal għandhom bżonn l-għajnuna tal-ġenituri biex jipprerparaw ruħhom għall-eżamijiet.
  1. Nisguraw li t-tfal jagħmlu l-homework u ftit studju matul is-sena kollha biex ma nħallux kollox għall-aħħar.
  2. Fil-ġimgħat qabel l-eżami uża past-papers għar-reviżjoni. Dan jgħina nidentifikaw l-oqsma li huma dgħajjfa fihom, waqt li t-tfal isiru familjari mal-karta tal-eżami.
  3. It-tfal għadhom bżonn ħafna inkoraġġiment u tifħir. Ngħidulhom prosit għal dak kollu li jagħmlu tajjeb, u anki meta nikkoreġu l-iżbalji, bil-ħlewwa.
  4. Naraw li jkollhom tqassim tal-ħin tajjeb, li jinkludi ħin ta' studju, breaks u logħob (u tikka screen time jekk jixtiequ), u attività fiżika.
  5. Naraw li jorqdu fil-ħin, speċjalment lejlet l-eżami, biex moħħhom ikun frisk filgħodu, u li jieklu tajjeb, inkluż breakfast qabel jitilqu mid-dar.
  6. Nitkellmu magħhom fuq l-eżami u anki fuq l-emozzjonijiet li jkunu qed iħossu. Nassigurawhom li huwa normali li jħossu ftit biża'.
  7. Nagħtuhom doża doppja ta' mħabba u affezzjoni.
  8. Ma nħallux it-tensjoni tirkibna; aħna wkoll irridu nitgħallmu nkunu kalmi u kunfidenti.
  9. Infaħħruhom għall-isforzi tagħhom, mhux għar-riżultati biss.
  10. Nitolbu magħhom: għalihom u għall-istudenti sħabhom ukoll. Qabel jibda t-test ngħallmuhom jgħidu talba qasira bħal, "Ġesù, għini u għin lill-ħbieb tiegħi."
  11. Nżommu f'moħħna li l-iskop tal-eżami huwa għall-ġid ta' wliedna; l-eżami mhux xi tellieqa minn se jiġi l-ewwel. Tkun soċjetà isbaħ u aktar ħanina jekk nrawwmu f'uliedna kultura ta' koperazzjoni u soledarjetà milli kompetizzjoni u pika.